Lokali Saħħa

Issa huwa l-mument li nkomplu nsaħħu d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf – PN

Ir-rapport ippubblikat mill-Kummissarju għas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman dwar il-każ ta’ l-assistenza lill-ġenituri tat-tarbija fil-ġuf huwa konferma ta’ kemm huwa importanti li f’pajjiżna jinbeda proċess sabiex id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf ikunu aktar rikonoxxuti, protetti u msaħħa fil-liġijiet ta’ pajjiżna, sabiex ma’ jkunx hemm lok għal ekwivoċi dwar l-istatus legali tagħha.

Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mid-deputat Claudio Grech.

Is-sempliċi fatt li f’istanza partikolari tul dan il-proċess l-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna ġihom dubju jekk tarbija fil-ġuf hix persuna, hija riflessjoni ċara tal-bżonn li dawn il-kjarifiċi jiddaħħlu fil-liġijiet rispettivi biex jiġi assigurat li din l-interpretazzjoni skorretta ma’ terġax tirrepeti ruħha. Ġaladarba huwa aċċettat minn kulħadd li l-bidu tal-ħajja huwa fil-konċepiment, it-tarbija fil-ġuf għandha d-drittijiet tagħha stabbiliti f’dik l-istanza u li allura għandhom ikunu salvagwardjati.

F’dan l-isfond il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-istqarrija ċara tal-President tar-Repubblika George Vella dwar il-valur tal-ħajja. Aktar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jemmen li issa li huwa ċar li f’pajjiżna m’hawnx lok għall-abort, hemm bżonn li fi spirtu ta’ kunsens il-partit politiċi u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien biex dan il-għan mhux biss jitmexxa fil-qafas leġiżlattiv ta’ pajjiżna iżda li saħansitra tagħmel minn pajjiżna membru stat tal-Unjoni Ewropea mudell fejn it-tarbija fil-ġuf tingħata r-rispett u d-dinjità li jixirqilha.