Lokali

“It-tarbija fil-ġuf mhix persuna” – Id-Dipartiment tas-Saħħa

Familja Maltija kellha tiġġieled biex tieħu dak li hu tagħha bi dritt fl-istess waqt li kienet għaddejja minn żmien diffiċli ħafna minħabba kumplikazzjonijiet mediċi li nqalgħu lit-tarbija li kienet qed iġġorr il-mara.

Il-familja, diġa kienet għaddejja minn żmien iebes hekk kif saret taf li t-tarbija kien se jkolha bżonn intervent mediku immedjatament mat-twelid tagħha, meta kelha taffaċċja aktar problemi u nkwiet minħabba l-pożizzjoni  li ħa d-Dipartiment tas-Saħħa.

Il-koppja jidher li talbu l-għajnuna tal-Gvern biex jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra għal dan l-intervent, iżda meta għamlu din it-talba, huma ġew miċħuda din l-għajnuna finanzjarja. L-argument tad-Dipartiment kien, li t-tarbija fil-ġuf mhux meqjusa bħala bniedem skont il-liġi.

B’dan l-argument, il-koppja kienu se jiġu mċaħħda minn għajnuna li hu eliġibbli għalija kull Malti u kull Maltija, u li fil-verità ġeneralment tingħata anke lill-persuni barranin li jgħixu f’pajjiżna skont il-ħtieġa.

Skont id-dipartiment, għaliex it-tarbija kienet għadha ma twelditx qabel it-tluq tagħha minn Malta, u għalqastant ma titqiesx bħala persuna f’għajnejn il-liġi, il-ġenituri ma kienux eliġibbli għal għajnuna.

Wara li saret pressjoni mill-Kummissarju tas-Saħħa,  il-Gvern  bidel ftit il-pożizzjoni tiegħu u aċċetta li jħallas biss għall-vjaġġ tar-ritorn tat-tarbija, iżda mhux tal-ġenituri.  Wara aktar pressjoni mill-Kummissarju li argument li l-biljetti tal-ġenituri għandhom ikunu koperti mill-Gvern,  id-Dipartiment ċeda, iżda ħallas biss għall vjaġġ tar-ritorn.

Il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jħallas għall-vjaġġi tat-tluq, dejjem fuq l-argument li t-tarbija fil-ġuf mhux meqjusa bħala persuna.

Intant il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li għalih it-tarbija fil-ġuf hija biss 8 ċelloli, ħareg stqarrija li tikkritika l-konlużjonijiet li wasal għalihom il-Kummissarju tas-Saħħa.  Din kienet it-tieni darba li Fearne sab ruħu f’pożizzjoni skomda għall-aħħar wara li nhar il-Ħadd Net News żvela li kienet inħarġet ċirkolari li tordna t-tneħħija ta’ slaleb u affarijiet oħra reliġjużi miċ-Ċentri tas-Saħħa f’pajjiżna. Il-Kummissarju tas-Saħħa, minn naħa tiegħu stqarr li hu ried biss kjarifika dwar il-pożizzjoni li ħa l-Gvern meta qal li t-tarbija fil-ġuf mhux meqjusta bħala persuna skont il-liġi u li għaldaqstant m’għandhiex drittijiet.