Lokali Parlament

Kulħadd qiegħed fil-politika jew istituzzjoni biex ikun responsabbli

Li tirrappreżenta lil.poplu tfisser li tkun ta’ eżempju. Akbar minn hekk, ir-responsabilita’ hija ferm itqal, għaliex int qiegħed iġġorr  arma ta’ partit, u f’ kull partit hemm il-bnedmin l-oħra kollha. 

Allura nkun tassew irresponsabbli jekk l-imġieba tiegħi, jew jekk joħroġ minn fommi kliem xejn xieraq u li ma jagħmlu l-ebda ġid la lili u lanqas lil partit li nirrappreżenta.  Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo meta kien qed jitkellem fil-ħin tal-Aġġornament.

L-istess bħal fil-knisja jew f’ kull entita oħra.  Jekk qassis jiżbalja jkun qed iġorr lil sħabu l-oħra kollha.  Għax in-nies fit-triq ma tgħidx Dun Ġużepp (isem fittizzju) żbalja , imma n-nies titfa lil kulħadd f’ keffa waħda u erħilha tgħid “Il-qassis ma jarawx tagħhom, kollha pedofli”. 

Qal li hawnhekk tassew inkunu qed nonqsu bil-kbir, għax ma nkunux ġusti la mal-knisja u wisq aktar mal-kumplament tas-saċerdoti.     Fostna għandna saċerdoti qaddisin, allura lil dawn ukoll nixħithom fl-istess keffa?   U donnu l-ħażin jispikka.  Għax jekk membru ta’ klabb tal-futboll, jiġbor tant tfal biex jedukhom fost oħrajn, ftit tissemma.  

Jew tant membri fis-soċjeta nisranija MUSEUM, ta’ kuljum tant bnew bnedmin u tant għamlu ġid fostna, ftit jissemma xi jsir.  Mhux l-istess jekk xi membru minnhom, għax hu bniedem jiżbalja.  L-istandards fil-ħajja pubblika,  (dan l-aħħar spiss qed nisimgħu dwarha)  li saħansitra sar ukoll Kummissarju u sussegwentement anki ġie preżentat abbozz ta’ liġi dwar Standards fil-ħajja pubblika.  Dan kollu jawgura tajjeb għall-etika fil-politika ta’ Malta.  

Bartolo qal li iżda aktar minn standards u liġijiet, l-etika fil-politika trid tiġi minni nniffsi, minn ġo fija.  Għalhekk infaħħar lis-soċjeta tal-mużew u anki lis-seminarju u lil knisja, għax il-formazzjoni li ħadt minn hemm ma ħadtu minn imkien. 

U bħala politiku, ma jistax jgħaddieli minn moħħi ħsibijiet ulterjuri ħlief li jien qiegħed hemm biex inservi.  B’ dan l-iskola ta’ ħsieb, jien inħossni liberu nikkritika fejn nara ħażin.  Ma nistax nikkritika lil Gvern jekk jien nagħmel agħar minnhom.    

Huwa qal li Platun kien iqis lil dawk li jiggwernaw u jagħmlu l-liġijiet għax mogħnija bl-għerf biex jgħarblu x’ inhi l-ġustizzja u jmexxu lill-oħrajn fuq triqitha.  L-istess Aristotile li jpoġġi l-etika u l-politika taħt il-kappa ta’ l-għarfien politiku.  Il-bniedem jilħaq il-milja tiegħu meta jkun jgħix tajjeb. 

Mhux biss il-filosofi Griegi imma anki l-ħsieb Ruman hemm l-idea li b’ xi mod kull ċittadin huwa responsabbli mill-ħaġa pubblika (REX PUBBLICA).   Ċiċerun  kien jgħid li min jiġi fdat  b’ uffiċċju pubbliku għandi jaqdi dmiru għal ġid komuni, li jiġi qabel kull gwadann jew interess personali.     Dawn il-ħsibijiet kollha ta’ bnedmin kbar li ġew qabilna, sawru parti sew mill- ħsibijiet tagħna u aktar tard mill-prattika politika. 

Tenna li kulħadd jivvota għas-sewwa, kulħadd jivvota għal ġid, kulħadd jagħmel l-għażliet tiegħu għal ġid komuni.   Allura tassew iħossu diżulluż meta personalita mill-ħajja pubblika jsir wieħed minn ċorma ħallelin, bl-imġieba tiegħu.  

L-abbuż tal-poter idejjaq lil kulħadd, u allura mhux sew li min ħsiebu fil-foqra u fil-qtates abbandunati jaqa fl-istess keffa ta’ min jiltaqa bejn erba ħitan għal skopijiet malinni.    Ir-responsabilita’ ta’ kull politiku mhijiex biss li nħarsu l-liġi legali iżda anki dik morali.

Bartolo qal li aħna parti minn ċivilta’ li hija ferm inqas interessata li tgħallimna naħsbu u nkunu nies ta’ ġudizzju għaqli.  Mehdija li ntejbu s-sitwazzjoni tagħna materjalment u allura jgħidulek “x’ jimpurtana mill-korruzzjoni!”.    

Madanakollu ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna, lanqas ma jfisser li l-etika għandha togħsfor  jew li m’ għandux ikun hemm parametri li jirregolaw l-imġieba jew il-qafas leġislattiv tal-pajjiż.   

Spiċċa biex qal li dan huwa mpenn ewlieni fil-ħajja pubblika biex b’ hekk infittxu u nissalvagwardjaw il-ġid komuni li jiggarantixxi ġustizzja u mhux laqgħat fil-moħbi li jipperikolaw u jdgħajfu l-ideal ta’ valuri awtentiċi li jħaddan partit politiku.