Lokali

L-Ombudsman jinsisti li l-Parlament injora kompletament l-investigazzjonijiet

Il-Parlament m’għandux jibqa’ jinjora l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman. L-Ebda wieħed mill-każi riferuti għall-attenzjoni tal-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati ma ġew ikkunsidrati b’mod attiv mill-Kamra.

Dan joħroġ mid-daħla tal-aħħar edizzjoni tal-Każijiet fil-Qosor ippubblikati mill-Ombudsman.

L-Ombudsman insista illi wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li din il-proċedura statutorja fl-Att dwar l-Ombudsman, maħsuba sabiex tassigura li jingħata rimedju kontra l-inġustizzja liċ-ċittadini li jintlaqtu ħażin, m’hijiex qed tkun effettiva.  Għalhekk jeħtieġ li tiġi rimedjata.

L-Ombudsman qal ukoll li dan it-tħassib tqajjem anke mill-Kummissjoni Venezja fl-opinjoni tagħha dwar it-tibdil Kostituzzjonali, dwar is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi.

Fil-pubblikazzjoni ta’ 116-il paġna hemm diversi punti ta’ investigazzjoni li wettaq l-Ombudsman Parlamentari fosthom il-proċess tal-għażla ta’ Uffiċjali tal-Armata, li kien wieħed difettuż.

L-Ombudsman tenna l-konklużjonijiet tiegħu li diversi applikanti sofrew inġustizzja għax wara li ġew trattati ħażin waqt proċess tal-għażla li sar f’Awwissu 2013 meta ma ġewx promossi għall-grad ta’ Logutenent Kurunell.

Kien hemm każijiet oħra fejn saru kummenti u lmenti fosthom minn membri tal-Korp tal-Pulizija, persuni li jaħdmu maċ-ċivil, drittijiet li wieħed jistenna li kellu jieħu mill-Isptar Mater Dei u l-jedd tal-uffiċjali fis-servizz ċivili li jiġu informati u d-dmir tagħhom li jżommu ruħhom informati.

Każijiet oħra jinkludu …każ ta’ pazjent isofri minn kanċer imċaħħad mill-benefiċċju tal-mard, dewmien fil-ħruġ ta’ ċertifikat tal-mewt iqanqal ansjetà u jkompli jżid mas-sogħba tal-ġenituri li tilfu lil binhom u Kits ipprovduti mill-isptar mhux kompatibbli ma’ pompi ordnati minn sptar fir-Renju Unit.