Konferma mill-Unjoni Ewropea – jekk qatt kien hemm bżonn – li l-prezzijiet tal-propjetà f’pajjiżna qed ikompu jiżdiedu b’mod allarmanti.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika (Eurostat) ikkonfermat li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, Malta rat żieda ta’ 6.2 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Dan meta ż-żieda medja minn sena għall-oħra fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 4.2 fil-mija … l-istess kif irriżultat ukoll fil-każ taż-Żona Ewro.
U jekk wieħed iqabbel dawk it-tliet xhur mat-tliet xhur ta’ qabel, iż-żieda kienet ta’ 3.8 fil-mija. Dan jirriżulta fit-tielet l-akbar żieda fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea, bis-Slovenja u l-Latvja jkunu l-uniċi żewġ pajjiżi tal-Unjon Ewropea li kellhom żidiet akbar.
Din il-pjaga għal kulmin qed jipprova jixtri xi propjetà, fosthom iż-żgħażagħ, ilha tiġi nnutata għal dawn l-aħħar xhur. Fost l-oħrajn mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li filwaqt li tifhem l-importanza tal-kostruzzjoni, tissuġġerixxi li din għandha ssir b’mod sostenibbli.
L-istatistika Ewropea kienet riflessa wkoll fil-jiem li għaddew, meta rapport tal-kumpanija notevoli ta’ awditjar KPMG wera li l-prezz medju ta’ appartament fl-2017 żdied b’24 fil-mija meta mqabbel mal-2016. Kien hemm żieda wkoll fil-prezzijiet medji ta’ maisonettes (21 fil-mija) u penthouses (22 fil-mija).
B’hekk, ir-rapporti tal-Eurostat u tal-KPMG, ikkumissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), qed juru li konsegwenza ta’ dawn iż-żidiet, l-affordabbiltà ħadet daqqa kbira ‘l isfel.
Barra minhekk, dawn iż-żidiet iħassbu wkoll lil ħafna, meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, il-paga medja f’Malta naqset meta mqabbla mal-istess tliet xhur is-sena ta’ qabel.
//= $special ?>
