Sport Sport Ieħor

Marie Claire Aquilina tirbaħ l-ewwel tappa fil-kategorija tan-nisa tat-Tour ta’ Malta

Marie Claire Aquilina rebħet l-ewwel tappa tat-Tour ta' Malta

Illum fl-Imtarfa ngħata bidu tat-Tour ta’ Malta sponsorjat minn The Cyclist. L-ewwel tappa kienet tellieqa bi prova ta’ ħin individwali b’madwar 100 ċiklista ħadu sehem fl-erba’ kategoriji tal-25 edizzjoni. Ir-rotta kienet ta’ 12-il kilometru fuq il-by-pass tal-Imtarfa.

Iċ-ċiklista ta’ Team Greens Marie Claire Aquilina rebħet il-kategorija tan-nisa, b’ħames sekondi fuq Sian Bottomley ta’ Lovelo Squadra Donne u Gabriela Nordin ta’ TWI Racing Team.

Il-kategorija tal-Masters intrebħet minn Colin Sturgess ta’ Kuota GSG bi 18-il sekonda vantaġġ fuq Derek Barbara ta’ Ġibiltà. Sturgess li għandu esperjenza kbira rreġistra l-aħjar ħin tal-ġurnata. Hu rebaħ midalja tad-deheb u l-bronż individwli fil-Kampjonati tad-Dinja fl-1989 u l-1991. Sturgess ikkompeta fl-Olimpjadi tal-1988 u fl-2010 ddaħħal fil-Hall of Fame tal-Ingilterra. Etienne Bonello ta’ Team Greens għandu l-aħjar ħin fost iċ-ċiklisti Maltin meta daħal fir-raba’ post, ftit sekondi wara Daryl Maffey ta’ CC London.

Josh Copely ta’ Stuart Hall Cycling Gett Taxi Bottechia rebaħ il-kategorija Elite daħal wara 18-il minuta u 32 sekonda, segwit minn Antoine Magaud ta’ Islington Cycling Club. Harry Horsman spiċċa fit-tielet post.

Fil-kategorija tal-Juniors li ġiet introdotta din is-sena, Luke Borg ta’ The Cyclist spiċċa l-ewwel, segwit minn Sean Enriquez ta’ Mosta AF Sign Studio Team u Gianluca Camilleri ta’ Birkirkara San Ġużepp Sports Club.

It-tieni stadju jsir għada fl-10.00am fuq il-Bajja ta’ San Pawl il-Baħar b’tellieqa ta’ 83.3 kilometru.