Lokali Saħħa

RISPOSTA LIL CHRIS FEARNE: “In-nurses tagħna la huma għomja u lanqas giddibin”

Inqas minn 24 siegħa wara li l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel ħarġet stqarrija fejn esprimiet tħassib serju għal dak li qed jiġri f’Mater Dei, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne donnu mhux jirrealizza s-serjetà tas-sitwazzjoni fil-Libja u qed jibqa’ jiċħad dak li qal il-President tal-MUMN Paul Pace.

Paul Pace stqarr li minkejja t-tentattivi ta’ ċaħdiet minn naħa tal-Ministru, dak li qed jiġri fl-Isptar Mater Dei igiddeb lill-Ministru. Hu indika li l-movimenti li qed isiru fll-isptar kif ukoll informazzjoni li rċevew l-infermiera juru biċ-ċar li l-Ministru qed jipprova jaħbi l-verità.

Pace wera tħassib serju ghas-sitwazzjoni preżenti, għall-fatt li l-isptar diġà jinsab mimli 100% u mhemmx lok għal aktar pazjenti, aktar w’aktar pazjenti li ġejjin minn ambjent ta’ gwerra u li hemm probabiltà kbira li jkunu qed iġorru infezzjonijiet reżisteni li jistgħu ipoġġu lill-infermiera u dawk kollha preżenti f’riskju.

Net News kien żvela li l-isptar beda jħejji għall-eventwalità li jibdew jaslu Malta l-feruti mil-Libja, fejn is-sitwazzjoni qegħda kull ma tmur teskala, tant li, hekk kif l-offensivi mmexxijja mill-Ġeneral Haftar issa ħallew aktar minn 60 ruħ mejta, u mhux magħruf kemm huwa n-numru ta’ midruba.

Madankollu, għal xi raġuni, il-Ministru donnu jrid jibqa’ jgħix f’realtà differenti u jibqa’ jinsisti li l-isptar mhux se jkun qed jilqa’ feruti mill-Libja.

Net News tkellem ma’ Paul Pace fid-dawl tal-pożizzjoni li baqa’ jżomm il-Ministru Fearne. Paul Pace reġa’ stqarr li kollox qed jindika li l-Gvern qed iħejji biex jilqa lil dawn il-feruti l-isptar. Staqsejnieh x’inhu li qed jindika dan.

Paul Pace qal li l-infermiera la huma għomja u lanqas giddibin. Hu qal li kien hemm ċaqliq ta’ sodod u apparat, u kien hemm ukoll għadd ta’ nurses li ġew mistoqsija jekk humiex lesti jaħdmu sigħat żejda ma’ pazjenti Libjani.

Il-President tal-MUMN qalilna li l-infermiera u t-tobba diġa huma eżawriti bix-xogħol li għandhom hekk kif qed ikollhom ilaħħqu ma’ sptar li qiegħed kontinwament b’okkupazzjoni ta’ 100% f’kull ħin, u żgur li mhux fi stat li jlaħħqu ma’ pazjenti tal-gwerra li fil-maġġorparti tagħhom ikunu f’qagħda kritika.