Futbol Sport

Diego Costa se jitlef il-kumplament tal-istaġun minħabba karta ħamra

(Ritratt: EPA)

L-attakant ta’ Atletico Madrid Diego Costa ġie sospiż għal tmien logħbiet wara li nstab ħati li abbuża verbalment lir-referee. Costa tkeċċa mir-referee Jesus Gil Manzano fit-telfa kontra Barcelona tas-Sibt li għadda.

Fir-rapport ta’ Manzano ġie miktub li l-Ispanjol ta’ 30 sena kien insulta lir-referee b’ommu, xi ħaġa li Costa ċaħad. Atletico Madrid se jappellaw minn din is-sospensjoni li jekk tibqa’ fis-seħħ tfisser li Costa se jitlef il-kumplament tal-istaġun.

Il-Federazzjoni Spanjol tat erba’ logħbiet sospensjoni lil Costa talli nsulta lir-referee u erba’ logħbiet oħra talli qabad idejn l-uffiċjal. Wara l-logħba, il-kowċ ta’ Atletico Diego Simeone kien qal li meta saqsa lir-referee kien qallu li Costa qallu xi ħaġa. “Plejers oħra qalu affarijiet u ma tkeċċewx, iżda ma jiġġustifikax dak li għamel Costa,” kompla Simeone.

Atletico Madrid jinsabu t-tieni fil-kampjonat, 11-il punt wara l-leaders Barcelona b’seba’ logħbiet għat-tmiem.