Sport Sport Ieħor

Tliet atleti ta’ Team Noel se jikkompetu f’Pariġi s-Sibt li ġej

Aktar azzjoni għall-ġellieda ta’ Ying Yang Team Noel Kickboxing Club hekk kif l-atleti Keith ‘Speed’ Azzopardi, Jesred Piscopo u Celeste Galea ser ikunu qed iħabbtuha kontra avversarji Franċiżi f’Pariġi għada waqt serata tal-kickboxing u K1 – Fighters Level Up.

Azzopardi se jkun qed jiġġieled taqbida professjonali kontra Yannis El Hajaoui fil-kategorija ta’ bejn it-62 u l-64 kilogramm. Galea se tħabbatha ma’ Cassandra Mocquery fil-ġlieda ‘C class’ fil-kategorija tal-64 kilogramm filwaqt li Piscopo mistenni jikkompeti kontra Guillaume Parietti fil-ġlieda ‘Semi-Pro’ fil-kategorija ta’ bejn it-68 u s-70 kilogramm.

Din is-serata mistennija tkun trażmessa diretta fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Radio Kardeche’ b’ripetizzjonijiet kull filgħodu fuq Canale+ Sport minn nhar l-Erbgħa 17 ta’ April.

Dawn l-atleti mhux l-ewwel darba li għamlu isem lill-pajjiżna bil-prestazzjoni tagħhom barra minn xtutna. Barra minn hekk, huma rċevew unuri kontinwi matul il-karrieri rispettivi tagħhom.

Eżempju ċar huwa dak ta’ Keith ‘Speed’ Azzopardi. Proprju ftit jiem wara l-ġlieda tiegħu f’Pariġi, huwa se jkun fi triqtu lejn Kazan fir-Russja sabiex jikkompeti fit-Tatneft World Cup il-Ġimgħa 26 ta’ April, proprju 13-il ġurnata wara l-ġlieda ta’ għada. ‘The Speed’ mistenni jiġġieled f’bout professjonali tal-K1 kontra ċ-Ċiniż Ziqiang Zanq magħruf aħjar bħala ‘The Eagle’.

Jekk Azzopardi jirbaħ fir-Russja, huwa jikkwalifika sabiex jieħu sehem f’aktar ġlidiet f’din it-Tazza tad-Dinja li tintemm proprju f’Diċembru ta’ din is-sena stess. Hu se jkun l-ewwel Malti li jikkompeti f’dan il-livell għoli ta’ K1 fir-Russja.