Lokali

Anki l-Prim Ministru mhux lest jippublika d-deal tal-Corinthia qabel l-MEP’s

Bħal Konrad Mizzi, lanqas il-Prim Minisitru mhu lest jippublika d-deal tal-Corinthia qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej. Dan ikkonfermah hu stess f’kummenti li ta lil Net News.

Il-Prim Ministru għadda dawn ir-rimarki meta żar il-fabbrika Aurobindo f’Ħal Far; simbolu ieħor tal-industrija tal-farmaċewtika li waqqaf Gvern preċedenti, u investiment li inġieb f’Malta minn amministrazzjoni Nazzjonalista – żjara li saret minn Muscat f’perijodu li fih il-Gvern Soċjalista jinsab taħt pressjoni hekk kif feġġet il-kwistjoni tal-art tal-Corinthia f’San Ġiljan.

Kien wara l-perjodu tal-Milied, meta l-Ministru Konrad Mizzi pprova jgħaddi b’għaġla mill-Parlament il-ftehim mal-Corinthia. Kellha tkun l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li waqfet dan il-ftehim kontroversjali li se jkun qed jagħti art tal-poplu bix-xejn għal spekulazzjoni tal-propjretà, u mhux għat-turizmu.

Issa l-gazzetta il-mument kixfet il-manuvri li reġgħu kienu għaddejjin bil-moħbi min-naħa ta’ Konrad Mizzi. Fis-sigħat li għaddew infatti Net News staqsa anki lill-Ministru Mizzi jekk kienx se jippreżenta l-ftehim qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, iżda hu weġibna l-istess bħal Muscat.

Iżda wieħed issa jrid jara jekk il-Ministru jerġax jirrepeti dak li għamel fil-Milied u jerġa jipprova jgħaddi l-ftehim ta’ malajr qabel jagħlaq il-Parlament għal vaganzi tas-Sajf – fi kliem qasir, jipprova jħaffef il-proċess wara l-elezzjoni tal-MEP’s u qabel il-waqfa ta’ Lulju.