Lokali

Arti kulinarja mill-istudenti tal-ITS

Studenti żgħażagħ Maltin ħadmu skulturi magħmula miċ-ċikkulata bit-tema tal-Għid… bajd tal-għid inżejna b’mod mill-isbaħ li kważi kważi tiġik ħasra meta tifakar li jridu jitfarrku biex jittieklu.

Kif tidħol fis-sala fejn jinsabu dawn l-iskulturi, s-sensi jinfteħu hekk kif l-għajnejn jitpaxxew bis-sbuħija tax-xogħol artistiku u l-imnifsejn jimtlew bir-riħa ħelwa taċ-ċikkulata.

StudentI tal-Higher National Diploma fi ħdan dan l-Istitut ħadmu fuq dawn l-iskulturi fl-aħħar ġimgħat u issa jistgħu jitgawdew minn dawk kollha li jżuru dan l-Istitut.

L-istudenti ħadmu fi gruppi biex ħolqu dawn il-kreazzjonijiet artistiċi u kulinarji. Ix-xogħol kien parti minn proġett li ħadmu fuq dawn l-istudenti żgħażagħ li qed jistudjaw l-arti kulinarja fi ħdan dan l-istitut.

Ix-xogħol dettaljat kien maħdum kemm b’forom maħluqa apposta kif ukoll permezz ta’ xogħol fin ferm maħdum bl-idejn, b’kapaċita kbira u ħafna paċenzja.

Membri tal-pubbliku li jixtiequ jaraw dan ix-xogħol jistgħu jagħmlu dan billi jżuru  l-Istitut Għall-Istudji fit-Turiżmu fl-ajruport l-antik f’Ħal Luqa.