Jidher li l-immigranti abbord il-bastiment Alan Kurdi se jiddaħħlu Malta fil-ħin li ġej. Però għadu mhux ċar jekk Malta hux se żżomm uħud minn dawn l-immigranti.
Dan kien konfermat minn Tweet tal-Ministru tal-Intern Franċiż Christopher Castaner. Huwa saħaq li Franza u l-Ġermanja flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej kienu se jaċċettaw lil dawn l-immigranti f’pajjiżhom.

Fl-aħħar sigħat il-Gvern Malti kien mitlub jintervjeni fil-każ ta’ dan il-bastiment li bħalissa jinsab f’nofs ta’ baħar. Dan wara pressjoni li saret fuqu minn pajjiżi oħra…kif ikkonferma l-Prim Ministru innifsu.C
Il-bastiment Alan Kurdi, li fuqu hemm mas-60 immigrant, ilu aktar minn ġimgħa bejn sema u ilma.
Matul din il-ġimgħa kienu evakwati lejn Malta żewġ immigranti nisa minn fuq dan il-bastiment wara li kellhom bżonn assistenza medika.
Intant fl-aħħar sigħat, 28 NGO appellaw lill-Prim Ministru sabiex il-Gvern jirrisolvi din il-kriżi kemm jista’ jkun malajr… bil-pressjoni fuq Joseph Muscat issa tidher evidenti.