Ambjent Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-Periti tippreżenta viżjoni għar-regolamentazzjoni tal-bini u l-kostruzzjoni

Bżonn urġenti li jkollna reġistru ta’ kuntratturi

Membri tal-Kunsill tal-Kamra tal-Periti ppreżentaw il-viżjoni tal-Kamra għal tiġdid fir-regolamenti tal-bini, li huma antikwati kif ukoll mhumiex suffiċjenti sabiex jassiguraw l-aħjar kwalita’ fis-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Perit Simone Vella Lenicker, President tal-Kamra tal-Periti, spjegat li l-proposti kienu ġew approvati waqt Laqgħa Straordinarja tal-Kamra f’Novembru li għadda, u kkonfermat id-disponibilita’ tal-Kamra sabiex tipparteċipa fid-diskussjonijiet rigward it-tfassil ta’ regolamenti ġodda tal-bini, kif ukoll l-għarfien tekniku tal-membri tal-Kamra sabiex jiġu assigurati l-għola livelli fis-settur.

Il-Viċi President tal-Kamra, il-Perit Andre Pizzuto ta preżentazzjoni estensiva tal-pożizzjoni tal-Kamra, fejn ukoll ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni attwali u l-limitazzjonijiet tagħha. Wara spjega l-proposti tal-Kamra li jinkludu l-konsolidazzjoni ta’ diversi regolaturi fi ħdan l-Awtorita’ l-ġdida, il-bżonn urġenti li jkollna reġistru ta’ kuntratturi, l-importanza ta’ regolamenti moderni li mhumiex preskrittivi iżda msejsa fuq standards ta’ kwalita’ li jridu jintlaħqu, u l-ħtieġa li l-professjonisti involuti fil-proċess tal-kostruzzjoni jkomplu jeżerċitaw il-prinċipji ta’ self-regulation.

Il-proposti tal-Kamra ntlaqgħu b’mod pożittiv, u d-diskussjonijiet ser ikomplu fix-xhur li ġejjin sabiex jkun hemm sinerġija sħiħa bejn il-professjoni u l-konsulenti tal-gvern.

Din il-viżjoni kienet ippreżentata lill-Gvern rappreżentanti tal-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini (BRO) u tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini (BICC), kif ukoll konsulenti appuntati mill-Gvern sabiex tiġi stabbilita Awtorita’ ġdida biex tirregola l-industrija.