Futbol Sport

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA japprova ż-żidiet lir-referees

(Ritratt: Martin Agius)

IIl-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association approva l-ftehim li kien intlaħaq dwar ir-reviżjoni fil-ħlasijiet u l-introduzzjoni ta’ inċentivi oħra għall-uffiċjali tal-logħba.

Il-ftehim jidħol fis-seħħ l-istaġun li ġej u l-ħlasijiet se jiżdiedu b’mod gradwali fuq bażi ta’ ħames snin. Dan minbarra inċentivi oħra li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo spjega l-ftehim milħuq. Hu rringrazzja lill-erba’ rappreżentanti tas-settur tar-referees Stefan Pace, Alan Mario Sant, Ishmael Barbara u Luke Portelli, għall-kontribut u l-koperazzjoni tagħhom fid-diskussjonijiet.

Il-ftehim ġie approvat b’mod unanimu mill-membri tal-Eżekuttiv, bil-President Darmanin Demajo u t-Teżorier tal-MFA Ivan Mizzi jkunu strumentali fin-negozjati.

Il-ħidma tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali

Fuq l-aġenda wkoll tal-Kumitat Eżekuttiv kien hemm il-ħidma tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali. Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti spjega fid-dettall il-progress fid-diskussjonijiet fir-regolamenti dwar l-istatus u t-trasferimenti tal-plejers, fosthom iċ-ċaqliq ta’ plejers fi tmiem il-kuntratt u mekkaniżmi oħra bħal kumpens.

Ir-rakkomandazzjonijiet li saru fis-sessjonijiet ta’ dan il-kumitat mistennija jkunu diskussi fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-MFA. Il-Kumitat għad-Djalogu Soċjali hu magħmul minn rappreżentanti tal-klabbs u tal-plejers li jiddiskutu materji ta’ interess komuni.

Talba għall-fondi

Intant is-Segretarju Ġenerali ħabbar li l-Kumitat għar-Responsabbiltà Soċjali tal-UEFA, mistenni li fil-laqgħa li jmiss fil-bidu ta’ Mejju, jiddiskuti t-talba tal-MFA biex jingħataw fondi u għal xogħlijiet ta’ tiswija f’numru ta’ faċilitajiet wara l-ħsarat fl-aħħar maltempata kbira li għamlet fi Frar.

Football Symposium

Fit-23 u l-24 ta’ Mejju l-MFA se torganizza għall-ewwel darba Football Symposium. Dan qed ikun kordinat mill-Viċi President tal-MFA Matthew Paris, bit-tema prinċipali hi l-Opportunitajiet fid-dinja Diġitali. Fost il-kelliema f’dan is-simpożju se jkun hemm il-ġurnalist rinomat Taljan minn Sky Italia Gianluca Di Marzio.