Lokali

Il-PN jibqa’ jaħdem biex itejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta – Mario De Marco

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex tissahhah ir-reputazzjoni ta’ Malta”. Dan qalu d-deputat Nazzjonalista Mario De Marco f’diskors li ghamel fl-għeluq tal-konferenza organizzata mill-Malta Institute of Managment.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi sostna li l-Partit Nazzjonalista, għalkemm konxju tal-fatt li Malta hija ċkejkna, konxju ukoll li Malta għandha potenzjal mill-aqwa li twassal leħinha. De Marco qal li l-PN se jibqa’ jaħdem biex iressaq ‘l quddiem l-aġenda ta’ Malta fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u f’fora oħra internazzjonali biex Malta jkollha aktar investiment u għarfien fil-qasam tal-liġi tat-taxxa internazzjonali.

Huwa qal li l-Gvernijiet Nazzjonalisti kienu fuq quddiem nett f’inizjattivi internazzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, partikolarment permezz tal-appoġġ, u ta’ inizjattivi li jinvolvu skambju ta’ informazzjoni u trasparenza fiskali.

Sar accenn fuq Brexit fejn qal li pajjiżna se jaffaċċja sfidi minħabba Brexit. Huwa qal li Malta hemm bżonn tagħmel dak kollu possibli biex iżomm u tinsisti fuq l-attrazzjoni ta’ aktar investiment. Il-viżjoni tal-PN hija li s-sostenibbiltà ekonomika għal dan il-pajjiż tiddependi mhux biss fuq il-limitu tat-taxxa u dħul ieħor iġġenerat iżda wkoll fuq it-titjib tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ investiment u fuq it-tnaqqis ta’ nfiq bla bżonn u ineffiċjenti, filwaqt li tiġi żgurata r-responsabbiltà fl-użu tal-fondi pubbliċi.