Lokali

Imfakkar Jum id-Duluri – eluf joħonqu t-toroq tal-lokalitajiet

Eluf ta’ devoti ħonqu t-toroq f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex għall-purċissjonijiet tad-Duluri illi tradizzjonalment dejjem isiru ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.

Bħal kull sena, folol kbar imxew wara x-xbieha ta’ Maria Addolorata – u għal bosta, din tkun okkażżjoni fejn il-pellegrinaġġ wara d-Duluri jservi biex id-devoti jitolbu xi grazzja jew bħala ġest ta’ maħfra.

Għall-purċissjoni li ħarġet mill-Knisja ta’ Ġiezu fil-Belt, attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Anki f’Ħal Qormi San Ġorġ, kienu mijiet dawk li mxew wara l-vara devozzjonali tad-Duluri.

Jingħad li din it-tifkira tad-Duluri bdiet fis-Seklu XV fil-belt Ġermaniża ta’ Cologne.

Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Ghaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765, filwaqt li fil-Mosta twaqqfet fl-1886.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jibdew uffiċjalment nhar il-Ħadd li ġej, bil-festa ta’ Ħadd il-Palm. Il-ġimgħa d-dieħla imbagħad isiru ċ-ċerimonji fil-knejjes marbuta ma’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira – il-jum li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Intant, anke fid-Dar Ċentrali l-ħaddiema tal-PN u ta’ Media Link inġabru għall-quddiesa annwali li ssir fil-jum tad-Duluri, immexxija minn Fr Mark Enriquez.