Lokali

Ir-reġistrazzjoni għall-early voting tiftaħ nhar it-Tnejn

Il-Kummissjoni Elettorali tavża lil dawk il-votanti li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, illi jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, fin-Naxxar jew fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex, minn nhar it-Tnejn li ġej biex jieħdu l-ġurament stipulat.  

Il-ħinijiet huma kif ġej –

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sas-1.30pm u mit-3pm sas-7pm.            

Sibtijiet u Ħdud mit-8am sa nofsinhar.

L-Uffiċċji jkunu magħluqa fid-19 u fil-21 ta’ April. It-terminu legali biex isiru dawn l-applikazzjonijiet bil-ġurament huwa sa nofsinhar tal-Ġimgħa, is-17 ta’ Mejju.

Kull applikant għandu jieħu l-Karta tal-Identità jew tar-Residenza tiegħu.

Il-Kummissjoni Elettorali qed tavża lill-votanti li jikkwalifikaw biex jivvotaw fit-18 ta’ Mejju illi jrid ikollhom id-dokument/i tal-vot, u li dawk irreġistrati Malta jivvotaw fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar filwaqt li dawk il-votanti rreġistrati fuq Għawdex jivvotaw fir-Razzett Sperimentali tal-Gvern, fi Triq l-Imġarr ix-Xewkija.

Intant, il-Kummissjoni Elettorali avzat ukoll illi dawk kollha li huma rreġistrati Għawdex u jixtiequ li jiġbru d-dokument tal-vot minn Malta, u viċe versa,  għandhom jagħmlu talba bil-miktub malajr kemm jista’ jkun. It-talbiet jintlaqghu sa mhux aktar tard mis-6 pm tal-Ħamis, 23 ta’ Mejju.