Lokali

“Każ xokkanti u viljakk” – il-Kummissjoni Emigranti

Li kieku l-qtil f’Ħal Far jirriżulta li kien wieħed motivat mir-razziżmu, allura verament dan ikun każ xokkanti.

Iddikjara dan Emmanuel Ciappara, mill-Kummissjoni tal-Emigranti, li kien il-mistieden tal-programm Net Live tal-Ħamis.

Filwaqt li ddikjara li għalissa wieħed ma jistax jasal għal konklużjoni dwar min wettaq dan l-attakk u għaliex, Ciappara ddikjara li kieku kien każ ta’ mibgħeda razzjali allura s-sitwazzjoni tkun iktar minn xokkanti.

Ciappara ddkjara li, kien x’kien il-mottiv, fuq kollox hu xokkanti li f’pajjiżna għandna nies li jaqbdu jisparaw fuq ħaddieħor u jwettqu omiċidju simili.

Kompla li l-każ ħalla sens ta’ xokk fost il-komunità tal-barranin li jgħixu f’Malta, b’mod speċjali dawk li jgħixu fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far, tant qrib fejn seħħ dan l-omiċidju.

Fl-aħħar jiem, ħarġet ukoll dikjarazzjoni diretta minn 23 għaqda mhux governattiva li ngħaqdu flimkien biex jappellaw lit-tmexxija tal-Korp jieħu dan il-każ bis-serjetà. Sa issa … il-karozza li intuzat fl-isparatura ghadha ma nstabitx mill-Pulizija.