Lokali

“Kull Gvern għandu jkun kommess li jinċentiva l-inizjattivi Maltin” – Adrian Delia jżur il-fabbrika Maypole

Matul is-snin il-kumpanija Maypole ta’ Nenu u l-familja tiegħu saru l-isem assoċjat mal-ħobż u l-prodotti Maltin.

Illum-il ġurnata l-kumpanija mhux biss tforni mijiet ta’ ħwienet lokali iżda saħansitra kibret tant li f’pajjiżna wieħed isib mal-20 ħanut li jġib l-istess isem b’kunċett ta’ ħwienet ta’ konvenjenza.

Il-Ġimgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar il-fabbrika ta’ Maypole f’Ħal Qormi, fejn ra d-dedikazzjoni tal-ħaddiema Maltin bl-aħħar teknoloġija tassistihom għall-aqwa kwalità ta’ prodotti.

“Dan hu t-tip ta’ negozju li nixtiequ naraw, din hi t-tip ta’ inizjattiva li nixtiequ ninċentivaw. Il-Gvernijiet għandom ikunu kommessi li jagħtu inċentivi, jagħtu opportunitajiet u jaraw kif jagħmlu biex negozji bħal dawn jikbru, jiffjorixxu u jżommuna kburin li għandna l-identità tagħna li mhux biss ingawduha imma wkoll nesportawha,” stqarr Adrian Delia.

Matul iż-żjara tiegħu, Adrian Delia kellu l-opportunità li jassisti lill-impjegati biex jifhem iktar il-kapaċitajiet ta’ dawn il-ħaddiema.

Iddikajra li “hu ta’ pjaċir li tara kif mijiet ta’ impjegati f’din l-industrija li kibret, li qed tieħu parti kbira mis-suq u għandha l-potenzjal li tikber anke iktar, imma li żammet l-awtentiċità u l-identità tal-ħobża Maltija.”

Fakkar ukoll li “hemm ukoll il-ħidma tal-idejn, l-imħabba tal-Maltin li anke meta jagħmlu l-ħobż tinduna li meta jasal fuq il-mejda tagħna jkun mhux biss frott l-għaraq, imma wkoll il-frott ta’ min itina il-prodott Malti fl-iktar preżentazzjoni ġenwina tiegħu.”