Lokali

Mewġa ta’ serq fl-aħħar 24 siegħa

Wara l-hold-up tal-Ħamis minn ħanut tal-gazzetti fi Fleur de Lys, filgħaxija stess fl-istess jum seħħet serqa oħra – din id-darba minn ħanut fl-Imsida.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:40pm meta l-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa fi Triq il-Baċir. Il-Pulizija marru minnufih fil-post fejn raġel b’wiċċu mgħotti u armat b’arma li taqta’ u bil-ponta, kien daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera; mara ta’ 33 sena mill-Bożnija. Ir-raġel ħarab b’ammont ta’ flus kontanti u xi affarijiet oħra.

Anke fil-każ li seħħ filgħodu fi Fleur de Lys, il-ħalliel ħarab mill-post b’ammont ta’ flus.

Dawn il-każ isegwu mewġa ta’ serq li seħħet fl-aħħar 24 siegħa, partikolarment f’Tas-Sliema. Fil-fatt, kien NETnews.com.mt illi lbieraħ filgħaxija żvela li xi ħallelin daħlu f’binja fi Triq Windsor f’Tas Sliema, u serqu numru ta’ appartamenti f’din l-istess blokka.