Sport Waterpolo

San Ġiljan itemmu l-ewwel fażi b’punti massimi

(Ritratt: Matthew Tabone)

VALLETTA VIDEOSLOTS………. 9 SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 13

(2-4), (2-1), (2-4), (3-4)

Iċ-champions San Ġiljan TUM Invest assiguraw li jtemmu l-ewwel fażi fil-quċċata b’punti massimi wara li għelbu l-isfida ta’ Valletta Videoslots 13-9. Partita missielta b’San Ġiljan jikkonfermaw il-potenzjal filwaqt li Valletta kkonfermaw li qed jagħtu logħba lil kulħadd.

San Ġiljan kellhom bidu tajjeb u kien maħsub li se jikkontrollaw il-logħba mingħajr diffikultà hekk kif kienu 4-1 minn fuq b’gowls minn Dino Zammit, lob Andreas Galea, Tristan Said u Matthew Zammit. Daniel Paolella kien naqqas id-distakk mis-centre qabel tmiem l-ewwel sessjoni f’azzjoni maħduma tajba.

Valletta wettqu reazzjoni fit-tieni sessjoni, kienu aktar dixxiplinati u wara li Dino Zammit kien għamilhom 5-2, irnexxielhom jidħlu jistrieħu gowl biss minn taħt, b’gowls ta’ James Spiteri Staines u Andrea Bianchi.

Il-Ġiljaniżi rnexxielhom jiftħu vantaġġ komdu ta’ erba’ gowls fit-tielet sessjoni, iżda doppjetta ta’ Miguel Zammit fi ftit ħin reġgħet fetħet il-logħba. Kien gowl ta’ Ben Plumpton lejn tmiem is-sessjoni li donnu qatel it-tamiet ta’ rimonta minn Valletta.

It-tim ta’ Bogdan Rath fetaħ tajjeb l-aħħar sessjoni b’gowl tal-veteran Charlie Zammit, iżda Dino Zammit skorja doppjetta biex għalaq il-logħba. Minn hemm huma komplew jikkontrollaw sat-tmiem.

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, P. Borg (1), C. Zammit (1), R. Mock, D. Paolella (1), M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit (3), M. Lanzon, L. Gialanze, R. Bonnici, A. Bianchi (2)

San Ġiljan: J. Tanti, J. Portelli (1), A. Galea (1), B. Grech, R. Caruana, M. Zammit (1), B. Plumpton (1), C. Farrugia, T. Said (2), Da. Zammit (1), D. Tully, Di. Zammit (5), T. Micallef, M. Ortoleva (1), Z. Micallef

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

L-EWWEL DIVIŻJONI

OTTERS NIVEA…………………… 5 M’SKALA FISH AND FISH….. 9

(1-3), (1-2), (1-1), (2-3)

Marsaskala Fish and Fish telgħu momentarjament fil-quċċata b’rebħa ta’ 9-5 kontra Otters Nivea. B’hekk it-tim ta’ Dorian Pisani baqa’ mhux megħlub wara erba’ logħbiet.

Marsaskala qatt ma kienu minn taħt fil-logħba u f’mument fit-tieni sessjoni kellhom vantaġġ komdu ta’ 5-1, b’Kyle Navarro jiskorja tripletta sa dak il-ħin. Wara li Gabriel Mizzi naqqas id-distakk għal Otters fl-istess sessjoni, Navarro għamilhom 6-2 fit-tielet sessjoni biex prattikament għalaq il-logħba. Claudio Spiteri Debarro skorja ftit qabel tiem is-sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, il-logħba kienet aktar miftuħa bl-għan ta’ Otters ikun li jnaqqsu d-distakk xi ħaġa li ma rnexxielhomx jagħmlu.

Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro (1), J. Bonavia, L. Hyzler (1), E. Meli, D. Dimech, K. Scicluna, G. Mizzi (1), A. Mifsud (1), C. Teuma, L. Falzon, G. Sammut (1), D. Camilleri

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (1), M. Manara, M. Aquilina (1), L. Grixti, K. Navarro (4), L. Felice, J. Buhagiar (1), J. Culic (1), R. Attard (1), D. Borg Millo, M. Borg

Referees: Peter Balzan, Ronnie Spiteri