Il-Pulizija tal-Guardia di Finanza ta’ Ragusa, assistiti mill-Uffiċjali tad-Dwana Taljani wettqu żewġ arresti f’każi separati ta’ barranin li kienu ġejjin lejn Malta bid-droga.
Fl-ewwel każ huma arrestaw Serb li kien beħsiebu jittraffika d-droga lejn Malta li hu maħsub li l-valur tagħha hu ta’ madwar €90,000.
Jirriżulta li waqt kontrolli li saru fuq il-vettura tal-akkużat, fil-bagoll tal-karozza nstabu 10 kilogrammi ta’ droga marijuana. Hu ġie arrestat u qed jinżamm fil-ħabs ta’ Ragusa.
Fit-tieni każ, Ingliż li kien qed isuq vettura u li wkoll kien ġej lejn Malta, ġie arrestat wara li nstab fil-pussess tal-ħaxixa kif ukoll diversi dożi ta’ kokaina.
Dan tal-aħħar ħeba d-droga fis-sistema tal-arja kundizzjonata tal-vettura, bit-tama li ma jinqabadx mill-awtoritajiet.
