Futbol Sport

Birkirkara maħsuda minn Mosta u jsofru telfa li tista’ tiswa qares

(Ritratt: James Galea)

BIRKIRKARA……………… 1 MOSTA…………………. 2

Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, D. Chapoval, N. Vukanac, E. Ferreira (J. Bezzina 82’), C. Failla, M. Guillaumier, M. Andelkovic, M. De Siqueira (L. Montebello 76’), M. Vella, J. Pereira da Silva

Mosta: A. Vella, G. Cuomo, T. Farrugia, R. Morisco, D. Bonnici, F. Franchini, D. Xuereb (Z. Brincat 64’), R. Ekani, B. Jnohope, A. Roach, D. Angan

Imwissija: D. Xuereb 23’ (M)

Skorjaw: M. De Siqueira 4’ (B), Z. Brincat 76’, D. Angan 81’ (M)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Theodore Zammit, Dusan Petrovic

Il-mument Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier (Birkirkara)

Attendenza: 410

Il-mixja ta’ Birkirkara lejn post fl-Europa League staġun ieħor sofriet daqqa ta’ ħarta kbira hekk kif kienu megħluba minn Mosta 2-1. B’hekk huma baqgħu żewġ punti wara Ħamrun Spartans u Sliema Wanderers li għadhom iridu jilagħbu llum u għada.

Jekk kien hemm xi dubju żgħir, din ir-rebħa kkonfermat post Mosta fil-Kampjonat Premier hekk kif evitaw ukoll il-post tal-play-off. It-tim ta’ Mark Miller kompla juri t-titjib tiegħu hekk kif issa ilhom tliet logħbiet mingħajr telfa bi draws kontra Hibernians u Floriana qabel din ir-rebħa.

Birkirkara kellhom diversi okkażjonijiet fl-ewwel taqsima iżda naqsu li jiksbu vantaġġ komdu li bih setgħu jikkontrollaw il-logħba. It-tim ta’ Mark Buttigieg kellu bidu mill-aqwa hekk kif fetħu l-iskor wara erba’ minuti. MARCELO DE SIQUEIRA daħal fil-kaxxa avversarja u b’xutt fil-baxx għeleb lil Andreas Vella li kien ħiereġ biex jagħlaq l-ispazju. Mosta wieġbu sitt minuti wara bi free-kick ta’ Gianluca Cuomo li għadda ftit barra biex fis-16-il minuta minn passaġġ ta’ Maurizio Vella, xutt ta’ Matthew Guillaumier għadda fuq il-mimduda.

Guillaumier mar eqreb żewġ minuti wara meta evita żewġ avversarji iżda x-xutt minn tarf il-kaxxa stampa mal-lasta. Il-midfielder żagħżugħ kellu opportunità oħra fis-36 minuta meta Jorge Pereira da Silva dar ma’ Andreas Vella u qassam lil Guillaumier iżda laqat il-ballun ħażin.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Mosta kważi ġabu d-draw meta minn kross ta’ Davy Angan, xutt ta’ Dexter Xuereb kien blokkat fil-ħin. Fil-65 minuta, free-kick tad-difensur Rafael Morisco għadda ċentimetri barra.

Mosta ġabu d-draw fis-76 minuta meta ZACHARY BRINCAT ma ta l-ebda ċans lil Andrew Hogg isalva b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa. Żewġ minuti wara, Vella salva lit-tim tiegħu b’save tajjeb fuq daqqa ta’ ras ta’ Danilo Chapoval.

Iżda kienu Mosta li fil-81 minuta skorjaw il-gowl tar-rebħ b’DAVY ANGAN jirċievi kross fil-baxx mil-lemin u għeleb lil Hogg mill-viċin. Birkirkara tefgħu kollox fuq l-attakk u fil-ħin miżjud issugraw li jsofru t-tielet gowl iżda Hogg salva mill-viċin fuq Duane Bonnici.