Formula 1 Sport

Bottas se jibda l-1000 Grand Prix tal-Formula 1 fuq quddiem qabel Hamilton

(Ritratt: EPA)

Valtteri Bottas kiseb is-seba’ pole position fil-karriera u l-ewwel waħda f’dan l-istaġun meta għeleb l-isfida ta’ sieħbu Lewis Hamilton b’distakk minimu ta’ 0.023 ta’ sekonda biex se jibda l-Grand Prix taċ-Ċina fuq quddiem.

Il-koppja tal-Ferrari se jibdew fit-tieni filliera wara s-sewwieqa tal-Mercedes, b’Sebastian Vettel jaqbeż lil Charles Leclerc fl-aħħar ħinijiet. It-tielet filliera se tkun ta’ Red Bull, b’Max Verstappen jagħmel il-ħames l-aħjar ħin qabel Pierre Gasly, anki jekk ma laħaqx għamel l-aħħar dawra tiegħu.

Daniel Ricciardo u Nico Hulkenberg ta’ Renault għandhom ir-raba’ filliera filwaqt li ż-żewġ sewwieqa ta’ Haas Kevin Magnussen u Romain Grosjean ma għamlux ħin fl-aħħar fażi u għalhekk se jibdew mid-disa’ u l-għaxar post rispettivament.

Valtteri Bottas spiċċa fil-quċċata fl-ewwel fażi segwit minn Lewis Hamilton. Il-Britanniku għamel l-aħjar ħin fit-tieni fażi bl-aħħar dawra tiegħu fuq tyres medium. Mercedes urew il-potenzjal tal-karozza f’din is-sessjoni b’distakk ta’ aktar minn nofs sekonda mill-koppja tal-Ferrari. Id-distakk bejn l-ewwel u l-15-il karozza kienet ta’ 2.3 sekondi.

Fl-ewwel sessjoni kienu eliminati Lance Stroll, George Russell, Robert Kubica, Antonio Giovinazzi u Alexander Albon. Stroll għat-tielet darba minn tlieta f’dan l-istaġun kien eliminat f’din il-fażi, l-istess bħall-koppja ta’ Williams li għadhom distakkati mit-timijiet l-oħra. Antonio Giovinazzi kellu problema fil-power unit u ma għamilx ħin, l-istess bħal Alexander Albon li tilef il-kontroll tal-karozza fit-tielet sessjoni ta’ provi liberi.

Fit-tieni fażi, Daniil Kvyat, Sergio Perez, Kimi Raikkonen, Carlos Sainz u Lando Norris kienu eliminati, b’Raikkonen jilmenta b’xi problema fid-dritta li wasslet biex ma għamilx l-aħjar ħin.

Il-Grand Prix taċ-Ċina għada tibda fit-8.10am ħin ta’ Malta.