Lokali

DEFICIT: Ikompli l-logħob biċ-ċifri

“Mingħajr l-iskema tal-passaporti, Malta xorta jkollha surplus” .

Hekk stqarr il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fl-aħħar budget għal din is-sena.

Iżda jidher li Scicluna mar żmerċ fil-kalkoli tiegħu, jew ried iqarraq meta qal hekk. Dan għaliex minkejja li d-dħul mill-bejgħ tal-passaporti ma kienx inkluż fil-fond konsolidat tal-Gvern tas-sena li għaddiet xorta l-Gvern irreġistra żbilanċ ta’ €70 miljun.

Fl-2018, il-Gvern mhux talli ma żammx is-surplus, iżda talli din l-iskema ta’ bejgħ ta’ passaporti li tant qalgħet kritika, hi l-uniku dħul li bih il-Gvern qed jiffanfra, għaliex mingħajru żbilanċ biss għandna.

L-iskema kontroversjali tal-bejgħ tal-passaporti poġġiet lil pajjiżna taħt il-lenti tal-Unjoni Ewropea li ilha mill-2013 tikkritika lill-Gvern Soċjalista Malti dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea. anke għall-fatt li l-Gvern Malti baqa’ jaħbi l-identità ta’ dawk li qed iħallsu l-mijiet tal-eluf ta’ Ewro biex jixtru passaport Malti li joffrilhom iċ-ċavetta għad-dħul għall-pajjiżi kollha Ewropej.

L-Oppożizzjoni tikkritika wkoll il-fatt li pajjiżna ma jistax jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq skema li llum qegħda hawn u għad ma nafux, meta din tista’ tiġi mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea fi żmien qasir, u tkompli tisħaq li dan hu nuqqas ta’ ppjanar fit-tul għal pajjiżna mill-Gvern Soċjalista.

Din il-kritika m’għamilithiex biss l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, iżda saret minn diversi entitatjiet oħra. Fosthom il-fond monetarju dinji li qal li l-ekonomija Maltija qed isserraħ bil-qawwi fuq l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u li għaldaqstant hija suġġetta għal theżżiżiet esterni li jistgħu faċilment ikissruha.

L-iżbilanċ ta’ €70 miljun fl-ewwel tlett xhur tas-sena huwa prova oħra ta kemm il-gvern qed jaħbi u jilghab biċ-ċifri.