Lokali

Ħaddiema Maltin u Għawdxin ħadu l-inqas żidiet fil-pagi tagħhom matul is-sena li għaddiet

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista b’dispjaċir tinnota li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ħadu l-inqas żidiet fil-pagi tagħhom matul is-sena li għaddiet. Din mhix statistika maħruġa mill-Partit Nazzjonalista iżda statistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-Gvern Soċjalista.

Huwa ironiku kif il-ħaddiema Maltin li b’xogħolhom qed jagħtu kontribut sabiex l-ekonomija Maltija tikber m’humiex jaqtgħu l-frott ta’ dak li qed jaħdmu u jistinkaw għalih, u l-ħaddiem Malti kellu biss żieda ta’ €2.75 fil-ġimgħa. Il-ħaddiem Malti qed jistaqsi bi dritt għaliex meta hawn tkabbir ekonomiku, l-Gvern Soċjalista mhux qed iwessa’ l-brackets tat-taxxa bħalma għamel Gvern Nazzjonalista fl-2012 u se jagħti biss somma ta’ darba ta’ bejn €40 u €68?

Miż-żidiet ta’ dan il-Gvern, malajr wieħed jinduna xi stima jgawdi l-ħaddiem Malti: 2017 – €1.75, 2016 – €1.75, 2015 – €0.58, 2014 – €3.49, 2013- (żieda PN)- €4.08, 2012 –(żieda PN)- €4.66.

Hija ħasra kif l-ebda Ministru ta’ dan il-Gvern ma ħariġx jikkwota din l-istatistika. Hija ħasra kif il-familji Maltin iridu jgħaddu b’pagi baxxi meta l-ħajja għoliet b’mod fenomenali u l-propjetà fl-aħħar sena għoliet b’25%. Il-pagi meta mqabbel mal-infiq għall-ħajja ta’ kuljum ħadu daqqa l-isfel. Kull min irid jgħaddi xahar b’paga ta’ €750 – €1,300 u li minnhom irid irabbi familja qed isibha impossibbli. Din hija r-realtà ta’ eluf ta’ familji.

Il-Gvern Soċjalista jiftaħar li pajjiżna m’għandux bżonn pjan fit-tul u għall-pensjonijietqed jimporta l-ħaddiema barranin iżda l-SĦPN tistaqsi x’se jiġri jekk l-ekonomija tieqaf tikber u jitilqu. L-SĦPN temmen li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ġew mgħoddija biż-żmien mill-Gvern Soċjalista għax il-kwalità tal-ħajja marret lura.