Is-saga tal-bastiment Alan Kurdi tasal fi tmiemha.
Dan hekk kif il-Gvern Malti kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu u aċċetta li l-bastiment jidħol Malta. L-immigranti se jitqassmu bejn Franza, il-Ġermanja, il-Portugal u l-Lussemburgu.
It-trasferiment sar f’nofs ta’ baħar għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, fejn l-immigranti minn fuq l-Alan Kurdi kienu trasferiti għal fuq Patrol Boat. Minn hemm huma ddaħħlu Malta madwar sagħtejn wara minħabba li kien hemm baħar qawwi.
Kien għall-ħabta ta’ sitta meta l-patrol boat b’madwar 60 immigrant abbord daħlet Haywharf. Minn hemm huma ddaħħlu Malta fejn għad mhux magħruf kemm se jdumu hawn qabel jiġu trasferiti lejn l-erba’ pajjiżi li aċċettaw li jdaħħluhom ġewwa pajjiżhom.
L-immigranti kienu ilhom f’nofs ta’ baħar għal iktar minn ġimgħa. Matul din il-ġimgħa kienu evakwati lejn Malta żewġ immigranti nisa minn fuq dan il-bastiment wara li kellhom bżonn assistenza medika.Dan il-każ isegwi dak ta’ ftit ġimgħat ilu meta l-Gvern Malti kien għażel li jdaħħal Malta grupp iehor ta’ immigranti li kienu abbord l-El Hiblu 1.
//= $special ?>