Lokali

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li wettaq sensiela ta’ serqiet

Raġel ta’ 40 sena miż-Żejtun li ħareġ mill-ħabs ftit tal-ġimgħat ilu tressaq il-Qorti dalgħodu fuq akkużi ta’ serq fosthom żewġ hold-ups, 3 episodju ta’ snatch and grab u 4 serqiet minn ħwienet.

Charles Farrugia inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li wettaq diversi reati ta’ serq tul dawn l-aħħar xahrejn.

Il-hold-ups twettqu matul l-aħħar xahrejn fi ħwienet f’Ħaż-Żabbar, Ħal Għaxaq, Birkirkara u Tas-Sliema. Huwa kien akkużat ukoll li seraq basktijiet ta’ persuni anzjani f’Tas-Sliema u fiż-Żurrieq. Wettaq ukoll serq minn vetturi f’diversi lokalitajiet madwar Malta.

Huwa qed jiġi mixli li żamm impjegati ta’ ħwienet minn fejn allegatament seraq kontra l-volontà tagħhom u li ġarr sikkina u kien riċediv.

Id-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk huwa nżamm arrestat.

L-Avukati Franco Debono u Damien Cassar deher għall-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christina Delia u Lydon Zammit. Il-każ instema’ mill-Maġistrat Aaron Bugeja.

Dan l-arrest jiġi f’perjodu ta’ żmien fejn pajjiżna qed jara żieda drastika fis-serq, fosthom serq mid-djar, hekk kif fl-aħħar ġimgħat kien hemm għadd ta’ rapporti f’lokalitajiet differenti f’Malta.