Futbol Sport

Kessie jagħti rebħa importanti lil Milan

(Ritratt: EPA)
Juventus jipposponu r-rebħ tal-kampjonat

Gowl fl-aħħar għaxar minuti ta rebħa importanti lil Milan meta f’San Siro għelbu lil Lazio f’konfront dirett 1-0. B’hekk Milan irritornaw għar-rebħ u saħħew ir-raba’ post wara li fl-aħħar erba’ logħbiet kisbu biss punt.

Wara li r-referee Gianluca Rocchi ordna penalty u b’konsultazzjoni mal-VAR ħassar id-deċiżjoni, ftit sekondi wara proprju fid-79 minuta ordna penalty bil-konferma tal-VAR għal fawl ta’ Riza Durmisi fuq Matteo Musacchio. Mill-11-il metru nkariga ruħu FRANCK KESSIE li bil-kalma kollha għeleb lil Thomas Strakosha.

Juventus ipposponew il-festa tar-rebħ tal-kampjonat għal ġimgħa oħra wara li kienu megħluba barra minn darhom minn Spal 2-1. Il-kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri bidel it-tim kompletament bi preparazzjoni għall-impenn fost il-ġimgħa miċ-Champions League kontra Ajax.

Kienu ċ-champions Taljani li fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob b’xutt fil-baxx ta’ Rodrigo Bentancur ikun imxellef miż-żagħżugħ MOISE KEAN u għeleb lil Emiliano Viviano. Spal ġabu d-draw fid-49 minuta meta minn korner mil-lemin, daħal tajjeb KEVIN BONIFAZI li għeleb lil Mattia Perin. Spal skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-74 minuta b’xutt minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa ta’ SERGIO FLOCCARI.

Roma kisbu rebħa importanti bit-tama li jiksbu r-raba’ post, b’rebħa ta’ 1-0 fi Stadio Olimpico fuq Udinese. Il-gowl rebbieħ wasal fis-67 minuta b’passaġġ intelliġenti ta’ Stephan El Shaarawy lejn EDIN DZEKO li minn qagħda ideali tefa’ wara Juan Musso.

Serie A

Spal v Juventus 2-1, Roma v Udinese 1-0, Milan v Lazio 1-0,Għada: Torino v Cagliari 12.30pm, Fiorentina v Bologna 3.00pm, Sampdoria v Genoa 3.00pm, Sassuolo v Genoa 3.00pm, Chievo v Napoli 6.00pm, Frosinone v Inter 8.30pm, It-Tnejn: Atalanta v Empoli 8.30pm