Lokali

L-investiment fit-teknoloġija tal-lingwa se jtejjeb il-ħajja tal-Maltin – Zammit Dimech

L-MEP Francis Zammit Dimech jiltaqa' ma' akkademiċi u riċerkaturi mill-Università ta' Malta

“It-teknoloġiji tal-lingwi huma importanti biex jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum, biex jagħmlu l-komunikazzjoni aktar faċli għall-għomja, dawk li għandhom problemi bil-viżta kif ukoll dawk bid-dyslexia, u biex ikun assigurat li l-lingwa Malta ma tiffaċċjax estinzjoni diġitali. Kien għalhekk li jien insistejt għall-fondi għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-lingwi.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li ltaqa’ ma’ akkademiċi u riċerkaturi mill-Università ta’ Malta li qed jaħdmu fuq applikazzjoni diġitali biex il-lingwa Maltija tkun rikonoxxuta awtomatikament meta wieħed jitkellem fid-direzzjoni tal-mobile jew tablet.

It-tim ta’ riċerka spjega kif qed jagħmel użu minn diversi diskorsi ta’ MEPs Maltin fil-Parlament Ewropew biex jiżviluppaw applikazzjoni li tkun kapaċi tirrikonoxxi l-lingwa Maltija. Ir-riċerkaturi qalu li l-prototip inizjali tal-applikazzjoni se jkun imniedi sal-aħħar ta’ din is-sena. Zammit Dimech fakkar kif Gvern Nazzjonalista ħadem biex il-lingwa Maltija tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hu qal li dawn iċ-ċirkostanzi jkomplu jikkonfermaw kemm hu kruċjali li ttieħdet din id-deċiżjoni, u li hu se jassisti l-grupp biex iġib aktar materjal u kuntatti biex isaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ universitajiet oħra.

Il-Proġett MASRI (Rikonoxximent Awtomatiku tad-Diskorsi Maltin), li jgħaqqad flimkien sforzi mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwi, l-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u l-Astronomija, u d-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, sa issa ibbenefika minn fondi grazzi għall-RIDT (Trust tal-Università ta’ Malta għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp). It-tim ta’ riċerka nforma wkoll lill-MEP Zammit Dimech kif il-finanzi għar-riċerka hu barriera kbira għar-riċerka. Dwar dan, Zammit Dimech fakkar kif, wara konsultazzjoni ma’ stakeholders f’Malta, hu ressaq numru ta’ emendi fil-Parlament Ewropew, fuq rapport li jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw lingwi f’dinja diġitali, inkluż biex jiżdied l-investiment fir-riċerka, u biex istituzzjonijiet akkademiċi jkunu provduti b’faċilitajiet li joħolqu pjattaformi teknoloġiċi tal-lingwi. Zammit Dimech qal li l-MEPs fil-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni, li hu membru tiegħu, talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi programm ta’ riċerka fit-tul u fuq skala kbira għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-lingwi.

Zammit Dimech qal li Stati Membri li huma żgħar fid-daqs u għandhom il-lingwa tagħhom, għandhom bżonn li jpoġġu t-teknoloġija tal-lingwa bħala prijorità, biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi lingwistiċi. Zammit Dimech qal li jekk mhux se nagħtu prijorità lit-teknoloġija tal-lingwi, il-lingwa Maltija se tiffaċċja estinzjoni diġitali minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ teknoloġiku. Hu żied jgħid li hemm bżonn li l-lingwa Maltija tissaħħaħ fil-pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet, fid-dawl ta’ qasma diġitali bejn lingwi li jintużaw spiss u dawk li jintużaw anqas. Hu esprima tħassib dwar id-differenza fit-teknoloġija bejn lingwi li għandhom ir-riżorsi u dawk li m’għandhomx, kif ukoll fuq il-bżonn li jittieħdu miżuri konkreti bħall-proġett MASRI, li jassigura li l-lingwa Maltija tkun integrata u użata fl-isfera diġitali, inkluż fuq pjattaformi diġitali u applikazzjonijiet, kif ukoll permezz ta’ assistenti diġitali bħal Siri u Alexa.

“Irridu politika li ssaħħaħ l-iżvilupp tat-teknoloġija għall-lingwa Maltija, għaliex il-preservazzjoni tal-lingwa hi kruċjali biex tibqa’ ħajja f’dinja moderna diġitali, kif ukoll li nissalvagwardjaw l-identità nazzjonali,” temm jgħid Zammit Dimech.