Kien proprju bħal dan iż-żmien ħames snin ilu meta Liverpool u Chelsea ltaqgħu f’Anfield. Dak iż-żmien Liverpool kienu taħt it-tmexxija ta’ Brendan Rodgers u Chelsea taħt Josè Mourinho. Liverpool kienu b’ċans tajjeb għar-rebħ tal-kampjonat iżda dakinhar ħarġu telliefa 2-0, biż-żelqa tal-captain tagħhom Steven Gerrard li wasslet għall-ewwel gowl ta’ Demba Ba tibqa’ tispikka.
Is-sitwazzjoni din id-darba hi simili hekk kif Liverpool qed jisfidaw ukoll ma’ Manchester City. Ħafna qed jagħmlu xebh ma’ dak l-istaġun iżda din id-darba Liverpool jidhru aktar determinati li jirbħu l-ewwel kampjonat mill-1990.
Chelsea għandhom ħafna għaliex jilagħbu hekk kif jinsabu fit-taqtigħa biex jiksbu post mal-ewwel erbgħa li jfisser post fiċ-Champions League staġun ieħor. Rebħa għalihom f’dan il-konfront tfisser mitqlu deheb hekk kif il-logħbiet għat-tmiem qed ikomplu jonqsu.
Fl-aħħar logħbiet kontra xulxin, Chelsea kisbu riżultati aħjar hekk kif mhux megħluba fl-aħħar erba’ konfronti, bl-aħħar rebħa ta’ Liverpool tmur lura għas-16 ta’ Settembru tal-2016.
Iċ-champions Ingliżi Manchester City jilagħbu ftit qabel Liverpool għada b’konfront diffiċli kontra Crystal Palace f’Selhurst Park. F’Diċembru li għadda, it-tim ta’ Roy Hodgson kien ħasad lil Manchester City b’rebħa ta’ 3-2 fl-Etihad Stadium.
Pep Guardiola żgur li jiftakar dik il-logħba iżda City jidhru fil-forma hekk kif ġejjin minn tmien rebħiet konsekuttivi fil-Premier League, anki jekk sfaw megħluba fost il-ġimgħa minn Tottenham fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League.
Premier League
Ilbieraħ: Leicester v Newcastle 0-1
Illum: Tottenham v Huddersfield 1.30pm, Brighton v Bournemouth 4.00pm, Burnley v Cardiff 4.00pm, Fulham v Everton 4.00pm, Southampton v Wolves 4.00pm, Manchester United v West Ham 6.30pm,Għada: Crystal Palace v Manchester City 3.05pm, Liverpool v Chelsea 5.30pm,It-Tnejn:Watford v Arsenal 9.00pm
//= $special ?>