Manchester United kellhom bżonn żewġ penalties – wieħed f’kull taqsima – biex irritornaw fit-triq tar-rebħ, meta huma ħarġu bit-tliet punti minn Old Trafford wara l-isfida qalbiena ta’ West Ham United.
Il-Hammers kienu l-aħjar tim għal ħafna ħinijiet iżda l-aktar mumenti deċiżivi tal-logħba kienu ta’ United, b’Paul Pogba jiskorja l-ewwel penalty wara 20 minuta wara li Robert Snodgrass ikkommetta fawl fil-kaxxa fuq Juan Mata. Il-gowl ma qatax qalb West Ham li bdew itellgħu numru ta’ attakki perikolużi u fl-ewwel ftit minuti tat-tieni taqsima huma għamlu l-iskor 1-1 meta Felipe Anderson daħal għall-ballun preċiż ta’ Lanzini biex sab ix-xibka, bi ftit kompliċità minn David de Gea.
Il-Hammers komplew juru l-aħjar ideat u s-sostitut Michail Antonio ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda, bl-istess plejer, minuti wara, iġiegħel lil de Gea iwettaq save stupend fuq daqqa ta’ ras li dehret destinata għar-rokna tax-xibka. Intant, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ United meta Anthony Martial sab ruħu żmarkat u avvanza qabel twaqqa fil-kaxxa fuq l-intervent iddisprat ta’ Ryan Fredericks. Mill-ħdax il-metru nkariga ruħu mill-ġdid Pogba li sammar ġewwa għal tliet punti li jħallu lil United jittamaw f’post mal-ewwel erbgħa tal-kampjonat – u preżenza fiċ-Champions League għall-istaġun li ġej.
Tottenham Hotspur telgħu mill-ġdid fit-tielet post tal-Premier League b’rebħa netta ta’ 4-0 fuq Huddersfield Town (li diġà huma relegati) f’Londra. L-eroj, bla dubju, kien Lucas Moura li skorja tripletta brillanti (fis-27, fit-87 u t-93 minuta) wara li Victor Wanyama kien fetaħ l-iskor (24) fuq azzjoni personali. Intant, Huddersfield għadhom ankrati fl-aħħar post meta huma issa tilfu l-aħħar sitt logħbiet konsekuttivi fil-kampjonat.
Il-ġurnata kienet waħda diżastruża għal Brighton and Hove Albion li tilfu f’darhom ma’ Bournemouth bl-iskor kbir ta’ 5-0 u bis-Seagulls anki jispiċċaw il-logħba b’għaxar plejers wara li tkeċċa Anthony Knockaert (fit-68 minuta) għal daħla kerha fuq Adam Smith. Sa dak il-ħin, iċ-Cherries kellhom diġà vantaġġ doppju minn Dan Gosling u Ryan Fraser, bis-Seagulls imbagħad jisfaxxaw għal kollox u bl-avversarji jżidu aktar gowls minn David Brooks (74), Callum Wilson (82) u Junior Stanislas ( 92). Brighton issa jinsabu b’vantaġġ ta’ tlett punti biss fuq Cardiff City, it-tielet tim mill-aħħar u meta nhar it-Tlieta, iridu jospitaw lill-istess Bluebirds fl-Amex Stadium.
Burnley huma prattikament salvi wara li għelbu lil Cardiff City f’Turf Moor, iżda l-logħba ma kinitx nieqsa mill-kontroversja. Meta l-Clarets kienu qed igawdu vantaġġ ta’ gowl skorjat minn Chris Wood wara nofs siegħa logħob, ir-referee Mike Dean saffar penalty għal Cardiff meta d-daqqa ta’ ras ta’ Ben Mee ħabat ma’ idejh stess – iżda Dean, sekondi wara biddel il-ħsieb u rtira mid-deċiżjoni oriġinali fost ir-rabja tal-Bluebirds u b’mod partikulari tal-manager Neil Warnock. L-affarijiet komplew jiġu ħażin għal Cardiff meta fit-92 minuta Wood reġa’ sab ix-xibka bir-ras għal riżultat finali ta’ 2-0.
Fulham, minkejja li relegati, taw l-ewwel rebħa lil Scott Parker kemm ilu caretaker manager tal-Cottagers, b’Tom Cairney u Ryan Babel it-tnejn isibu x-xibka kontra Everton li ma kinux fl-istess vena tal-aħħar logħbiet. Qabel din ir-rebħa fi Craven Cottage (l-ewwel waħda fil-Premier minn Jannar) Fulham kienu sofrew disa’ telfiet konsekuttivi fil-kampjonat, b’kelliema qrib il-klabb, ilbieraħ, jindikaw li fil-jiem li jmiss Parker għandu jingħata l-kariga ta’ manager fuq bażi permanenti.
Southampton ħadu pass kbir lejn is-salvazzjoni b’rebħa impressjonanti u meritata ta’ 3-1 fuq Wolves f’St Mary’s Stadium. Nathan Redmond skorja darbtejn (fit-tieni u fit-30 minuta), b’Shane Long ma jħalli l-ebda dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti bit-tielet gowl fil-71 minuta. Wolves kienu kisbu d-draw momentarju meta Willy Boly sab ix-xibka bir-ras (28) fuq azzjoni ta’ korner iżda s-Saints kienu determinati li javviċinaw l-40 punt meħtieġa biex iżommu posthom mal-kbar u għal ħinijiet twal dehru ħafna aktar impenjati u inċiżivi mill-avversarji.
//= $special ?>