Futbol Sport

Milan jilqgħu lil Lazio f’konfront dirett

Illum Milan jilqgħu lil Lazio f’San Siro f’konfront dirett ieħor hekk kif it-taqtigħa għal post fil-UEFA Champions League staġun ieħor qed tkompli tiħrax.

Il-pressjoni tinsab aktar fuq Milan bħalissa hekk kif fl-aħħar erba’ logħbiet, kisbu biss punt kontra Udinese, b’telfiet kontra Inter, Sampdoria u Juventus. Dan wassal biex timijiet bħal Atalanta, Lazio, Roma u anki Torino jinsabu viċin tagħhom. Gattuso se jkollu nieqes lil Andrea Conti, Lucas Paquetà flimkien ma’ Giacomo Bonaventura li ilu xhur nieqes. Hu jittama li tal-anqas jirritorna l-gowlkiper Gianluigi Donnarumma.

Għalkemm Lazio rkupraw u għandhom logħba nieqsa, fallew ċans doppju fl-aħħar jiem b’telfa ta’ 1-0 kontra Spal u draw ta’ 2-2 f’darhom kontra Sassuolo. Il-kowċ ta’ Lazio Simone Inzaghi se jkollu jgħaddi mingħajr Jordan Lukaku, Valon Berisha u s-sospiż Milan Badelj.

Inter jibdew favoriti li jsaħħu t-tielet post iżda jridu joqogħdu attenti minn Frosinone li għalkemm qegħdin fiż-żona tar-relegazzjoni, ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi li ħallewhom jittamaw. Il-kowċ ta’ Inter Luciano Spalletti se jkollu lura lil Stefan De Vrij u Lautaro Martinez iżda tilef lil Marcelo Brozovic.

Roma u Atalanta għandhom konfronti simili hekk kif jilqgħu f’darhom lil Udinese u Empoli rispettivament. Ir-rebħa kontra Sampdoria l-ġimgħa l-oħra, tat fiduċja ġdida lil Roma li jistgħu jagħmluha mal-ewwel erbgħa minkejja l-problemi li kellhom dan l-istaġun.

Udinese taħt it-tmexxija ta’ Igor Tudor biss erba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni iżda ilhom tliet logħbiet bla telfa wara rebħiet kontra Genoa u Empoli kif ukoll draw kontra Milan.

Atalanta ġejjin minn żewġ rebħiet u żewġ draws u jistgħu jieħdu vantaġġ minn xi żelqa ta’ Milan. Għalihom jirritorna l-attakkant Duvan Zapata li kien sospiż kontra Inter.Empoli kisbu rebħa importanti kontra Napoli fil-bidu tax-xahar, iżda sfaw megħluba minn Udinese u baqgħu fiż-żona tar-relegazzjoni.

Intant, Juventus jistgħu jaċċertaw matematikament mir-rebħ tat-tmien kampjonat konsekuttiv illum barra minn darhom kontra Spal. Bit-tieni leg tal-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League tintlagħab il-ġimgħa d-dieħla, il-kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri mistenni jserraħ diversi plejers regolari.

Serie A

Illum: Spal v Juventus 3.00pm, Roma v Udinese 6.00pm, Milan v Lazio 8.30pm, Għada: Torino v Cagliari 12.30pm, Fiorentina v Bologna 3.00pm, Sampdoria v Genoa 3.00pm, Sassuolo v Genoa 3.00pm, Chievo v Napoli 6.00pm, Frosinone v Inter 8.30pm, It-Tnejn: Atalanta v Empoli 8.30pm