Rugby Sport

Penalty lejn it-tmiem ta’ James Kirk ipoġġi lit-tim Malti fil-play-off


MALTA………………. 18 KROAZJA………….. 18

Malta: D. Holliday, H. Collins, A. Harvey, D. Deguara, D. Cerketa, D. Apsee, L. Watts, M. Davey, T. Holloway, T. Quarendon, R. Gum, C. Dudman, R. Holloway, J. Debattista, J. Kirk

Kroazja: I. Miljak, D. Brecic, I. Biskic, J. Brajkovic, M. Buljac, S. Owen, M. Ozich, D. Rowe, J. Newton, L. Rosso, M. Grcic, N. Jurisic, S. Majkic, M. Vlajevic, D. Plazibat

Referee: Jorge Molpeceres (Spanja)

Penalty minn pożizzjoni ċentrali lejn it-tmiem ta’ James Kirk poġġa lit-tim nazzjonali Malti fil-play-offs għal kontra r-rebbieħ tar-Rugby Europe Conference 1 North. Id-draw ta’ 18-18 fisser li Malta rebħet il-grupp Conference 1 South b’differenza ta’ punti superjuri mill-istess Kroazja hekk kif it-tnejn spiċċaw bi tliet rebħiet u draw u total ta’ 16-il punt.

Il-Kroati setgħu marru fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti iżda Jason Newton falla penalty. Kien żewġ minuti wara li t-tim Malti fetaħ l-iskor b’azzjoni personali ta’ ROB HOLLOWAY fuq il-lemin li għamel spazju għalih u b’ġirja ta’ madwar 25 metru fetaħ id-difiża avversarja għall-ewwel try tal-logħba. Iżda l-conversion mogħti minn James Kirk ħabat mal-lasta.

Il-Kroazja wettqet reazzjoni immedjata u fl-10 minuta skorjat ukoll l-ewwel try tal-logħba b’azzjoni persistenti fuq in-naħa leminija li wasslet biex JOSHUA BRAJKOVIC qabeż il-linja bil-ballun. JASON NEWTON għamel il-conversion minn pożizzjoni angolata biex il-Kroati ħadu vantaġġ ta’ 7-5.

It-tim Malti naqas li jimponi u beda jsofri mid-daħliet fiżiċi tal-Kroazja, li bdew jieħdu aktar territorju aktar ma għadda l-ħin. Wara diversi minuti bil-pussess, fl-24 minuta huma kabbru l-vantaġġ b’penalty mill-viċin u minn pożizzjoni ċentrali ta’ JOSHUA BRAJKOVIC.

Malta naqqset id-distakk ħames minuti wara meta l-plejers Maltin għażlu li jmorru għal penalty minflok jippruvaw għal try, b’JAMES KIRK jgħaddi l-ballun bejn il-lasti. Qabel intemmet it-tieni taqsima l-Kroazja kienet kważi kabbret il-vantaġġ iżda Brajkovic falla penalty, madankollu daħlu jistrieħu 10-8 fil-vantaġġ.

Il-Kroati komplew jippressaq lit-tim Malti fit-tieni taqsima u meritatament kabbru d-distakk għal 15-8 erba’ minuti mill-ftuħ tat-taqsima b’azzjoni fuq ix-xellug li fiha Brajkovic fetaħ id-difiża lejn SRDAN MAJKIC li avvanza għat-tieni try tal-Kroazja, iżda Jason Newton ra l-conversion tiegħu jaħbat mal-lasta.

It-tim ta’ Damian Neill beda jsibha diffiċli biex joħroġ mill-qoxra difensiva iżda rnexxielu jagħmel try importanti li fetħet il-logħba. TOBY QUARENDON ħa vantaġġ minn passaġġ ħażin f’nofs il-grawnd u avvanza b’kemm kellu saħħa biex għamel try taħt il-lasta. Mill-conversion JAMES KIRK ma żbaljax biex l-iskor sar 15-15.

Dan it-try donnu ta saħħa lit-tim Malti li bl-appoġġ tal-partitarji beda jissielet aktar, anki jekk JASON NEWTON poġġa lill-Kroazja b’vantaġġ ta’ tliet punti fid-59 minuta b’kick mill-viċin.

It-tim Malti tjieb fil-logħob tiegħu hekk kif rażżan l-attakki tal-avversarji u kien aktar preċiż fid-difiża. L-aħħar minuti kienu karatterizzati minn mewġa ta’ attakki tal-Maltin li pruvaw jinfdu lid-difiża avversarja.

Kien fit-82 minuta meta t-tim Malti ngħata penalty minn quddiem il-lasta avversarja wara interferenza fit-try line, b’JAMES KIRK ma jiżbaljax. Fl-aħħar minuti t-tim Malti kkontrolla tajjeb għal rebħa mill-aqwa.

Tags