Lokali

Residenti Xlukkarji fil-mira ta’ ħallelin

Fl-aħħar ġimgħat, diversi lokalitajiet madwar Malta raw żieda ta’ serq mid-djar. Wara l-mewġa ta’ serq f’Birżebbuġa, ir-Rabat, l-Imsida, l-Gżira u Tas Sliema, issa jmiss lil Marsaxlokk.

Residenti tal-lokalità li tkellmu ma’ Net News urew tħassib serju hekk kif jidher li ħallelin qed iħufu f’din iz-zona u jimmarkaw residenzi li jidrilhom li jistgħu jidħlu fihom.

Ħafna Xlukkajri jinsabu imħassbin ferm b’din is-sitwazzjoni u qed iħossuhom mitluqa għal riħhom.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalu li dawn il-ħallelin huma organizzati ferm, tant li meta jidħlu fi blokok, jirnexxielhom jidħlu f’għadd ta’ appartamenti u mhux f’appartament wieħed biss

Ir-residenti ta’ Marsaxlokk, u speċjalment dawk anzjani jew li jgħixu waħedhom, jinsabu mħassba u mbeżża’ bil-mod kif qed teskala s-sitwazzjoni fil-lokalità tagħhom.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, f’Tas Sliema, ħallellin daħlu fi blokka fi Triq Windsor u serqu minn għadd ta’ appartamenti fl-istess blokka. Intant fil-ġimgħat li għaddew, residenti tar-Rabat u n-Nigret ukoll kienu fil-mira ta’ ħalelin, fejn saħansitra residenta tal-inħawi sabet ma’ wiċċha żewġ persuni lebsin maskla tal-karnival li kienu qed jippruvaw jidħlu f’darha.

Il-ħallelin involuti f’din il-mewġa ta’ serq jidher li għandhom fil-mira tagħhom djar residenzjali li huma abitati, u huwa għalehkk li r-residenti tad-diversi lokalitajiet qed jgħixu bl-inkwiet u l-biża’ li jisfaw huma l-mira li jmiss.