Futbol Sport

Sirens pass bogħod mir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Domenic Aquilina0

SIRENS…………… 2 GUDJA UNITED ………… 1

Sirens: M. Montfort, K. Farrugia, R. Mandic, R. Grech, M. Del Negro (R. Previ 91’), M. Morgon Filho (L. Mijic 83’), A.M. Bustos, A. Curmi (R. Fenech 73’), C. Gauci, I. Adeshina, G. Gesualdi.

Gudja: J. Debono, J. Bondin, M. Attard, F. Aboulezz (A. Mizzi 62’), L.J. Schembri (S. Diacono 76’), J. Lima Siqueira, J. Farrugia, L. Cremona, E. Vella, D. Santos Da Hora (A. Marshall 73’), R. Kooh Sohna.

Referee: Darryl Agius

Sirens humna prattikament iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni meta rebħu l-konfront dirett bejn iż-żewġ timijiet promossi biex issa fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq Gudja u t-tim ta’ San Pawl il-Baħar issa jonqsu biss punt mill-aħħar żewġ logħbiet biex jirbaħ il-kampjonat.

Bidu mill-iktar bilanċjat iżda bi ftit periklu miż-żewġ naħat għajr għal daqqa ta’ ras ċentrali ta’ Adeshina li ġiet f’idejn il-gowlkiper wara għaxar minuti logħob. Il-logħba baqgħet missielta iżda l-gowlkipers ma kienux impenjati.

Fl-34 minuta kien Cremona li pprova xutt minn barra l-kaxxa bil-ballun imur ferm għoli. Fis-37 minuta Sirens fetħu l-iskor meta minn kross mix-xellug ta’ Morgon Filho, kien RATKO MANDIC li b’daqqa ta’ ras mill-viċin xeħet fix-xibka. Gudja ma wettqux reazzjoni u eżatt qabel intemmet it-taqsima kien Morgon Filho li impenja lil Debono li salva tajjeb.

Fit-tieni taqsima Sirens amministraw tajjeb il-vantaġġ u resqu qrib fis-67 minuta meta l-gowlkiper ta’ Gudja kellu joħroġ f’saqajn Morgon Filho u fit-tkomplija tal-azzjoni l-istess Debono salva x-xutt ta’ Clive Gauci.

Fid-79 minuta Gudja kisbu d-draw meta s-sostitut Marshall qassam lejn KOOH SOHNA li bir-ras minn żewġ passi bogħod xeħet wara Montfort. Gudja issa bdew jemmnu li jistgħu jdawru r-riżultat u xeħtu kollox fl-attakk iżda kienu kastigati tliet minuti mit-tmiem meta s-sostitut RUSSELL FENECH ġera tajjeb mal-linja u minn tarf il-kaxxa għeleb lil Debono bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel spiċċa fix-xibka.

Ħames gowls fi 11-il minuta

QRENDI ………………. 3 LIJA ATHLETIC ………………… 2

Qrendi: J. Farrugia, D. Micallef, M. Farrugia, B. Bondin, L. Brincat, D. Sammut (C. Caruana 44’), Z. Bowman (M. Barbara 71’), J. Da Silva Vargas, C. Quaranta, K. Abela, J. Silveira Da Silva (D. Martini 69’)

Lija: L. Bonnici, J. Cassar, D. Scerri, E. Beu, A. Azzopardi (D. Mintoff 62’), A. Bello Osagie, M. Clinch, I. Borg, G. Borg (A. Galea 54’), C. Gauci, O. Sidibe

Referee: Andrea Sciriha

Ħames gowls skorjati fi spazju ta’ 11-il  minuta fit-tieni taqsima iddeċidiet dan il-konfront favur Qrendi li b’hekk kisbu tliet punti prezzjużi li jkomplu jressquhom ‘l bogħod mir-relegazzjoni, u anki jiftħu għalihom speranzi li jevitaw il-play-off għaliex issa jinsabu biss punt taħt Vittoriosa, li iżda lagħbu logħba inqas.

L-ewwel taqsima ftit ipproduċiet azzjonijiet ta’ skor biż-żewġ gowlkipers prattikament spettaturi. L-uniċi tentattivi waslu minn xuttijiet minn barra l-kaxxa, l-iktar minn naħa ta’ Erjon Beu għal Lija u minn Ciro Quaranta għal Qrendi. L-isbaħ azzjoni ta’ Qrendi waslet lejn it-tmiem tat-taqsima fejn kellu jkun Sidibe li antiċipa lil Kenneth Abela li kien lest biex jispara fix-xibka.

Tmien minuti mil-ftuħ tat-tieni taqsima Qrendi marru fil-vantaġġ minn kross ta’ Quaranta, l-ballun ħabat ma’ id plejer ta’ Lija u mill-11-il metru kien CIRO QUARANTA li fetaħ l-iskor. Ħames minuti wara Qrendfi rduppjaw b’azzjoni tajba fejn Silveira kompla lejn LUCA BRINCAT li spara fis-saqaf tax-xibka.

Minuta wara Lija mill-ġdid fil-logħba b’daqqa ta’ ras preċiża ta’ ERJON BEU, u mas-siegħa logħob reġa’ kien l-istess ERJON BEU li minn azzjoni ta’ korner b’daqqa ta’ ras oħra kiseb id-draw. Iżda fil-65 minuta Ismael Borg waqqaf il-ballun b’idu fil-kaxxa biex Qrendi rebħu t-tieni penalty. Ix-xutt ta’ Quaranta din id-darba kien salvat u mir-rebound kien BJORN BONDIN li spara fix-xibka.