Futbol Sport

Tarxien Rainbows iressqu lil Pietà Hotspurs fl-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: James Galea)

TARXIEN RAINBOWS …………… 2 PIETÀ HOTSPURS ………………… 0

Tarxien: A. Cassar, J. Wemmer, J. Cruz Gill (A. Agius 78’), D. Zerafa, D. Mambouana, J. De Paixao, M. Tabone, G. Aquilina, A. de Barros, S. Arab (M. Spiteri 70’), A. Nilsson (M. Paolucci 85’)

Pietà: N. Vella, T. Ose, A. Machedo Neto, C. Grech, U. Umeh, I. Jalo (L. McKay 62’), D. Agius, N. Pace Cocks (J. Ghio 46’), J. Scicluna (N. Pisani 31’), G. Mensah, P. Chimezie

Imwissija: N. Pace Cocks 19’, I. Jalo 62’ (T)

Tkeċċa: M. Tabone 7’ (T)

Skorjaw: J. Wemmer 27’, 68’ (T)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Duncan Spencer

Il-mument Plejer tal-logħba: Jens Wemmer (Tarxien Rainbows)

Tarxien Rainbows komplew iressqu lil Pietà Hotspurs lejn l-Ewwel Diviżjoni b’rebħa ta’ 2-0 anki jekk lagħbu kważi lagħbu logħba sħiħa bi plejer anqas. L-eroj tagħhom kien Jens Wemmer li skorja ż-żewġ gowls.

Pietà kienu ġejjin minn rebħa tajba ta’ 3-1 fuq St. Andrews li reġgħet fetħet it-tamiet żgħar li jsalvaw. Il-kowċ Ramon Zammit ħareġ ukoll b’formazzjoni offensiva bi plejers bħal James Scicluna, Gabriel Mensah u Paul Chimezie fl-attakk, għalkemm kellu lis-sospiż Jan Busuttil nieqes. Huma jkunu relegati jekk St. Andrews jiksbu xi punti llum kontra Valletta.

Tarxien sfaw jilagħbu b’raġel anqas wara biss seba’ minuti meta r-referee Philip Farrugia ġġudika li Matthew Tabone waqqa’ lil Gabriel Mensah f’tarf il-kaxxa f’opportunità ċara ta’ gowl u b’hekk ġie muri l-karta l-ħamra.

Wara 19-il minuta, minn korner ta’ Neil Pace Cocks, Chimezie xeħet għoli minn qagħda ideali. Tarxien fetħu l-iskor fl-ewwel attakk xutt denju fit-28 minuta meta JENS WEMMER sammar il-ballun wara Nicky Vella minn madwar 20 metru bogħod. Ftit minuti wara, Pietà kellhom jagħmlu bidla sfurzata b’James Scicluna jkun mibdul minn Nicholas Pisani u saħansitra ttieħed l-isptar b’ambulanza kmieni fit-tieni taqsima.

Pietà marru viċin li jġibu d-draw fis-57 minuta b’xutt ta’ Dylon Agius li għadda ftit barra. Tliet minuti wara Tarxien fallew ċans tajjeb b’Siraj Arab li minflok iqassam lil Alex Nilsson, għażel li jikkonkludi iżda t-tentattiv tiegħu għadda barra.

Tarxien, fl-assenza tal-kowċ Jose Borg li kien sospiż, irduppjaw fit-68 minuta meta reġa’ kien JENS WEMMER li din id-darba għeleb lil Nicky Vella b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Jackson de Paixao. Ir-reazzjoni ta’ Pietà wara dan il-gowl kienet fqira, bl-uniku ċans serju jasal fit-88 minuta b’xutt ta’ Agius li kien imdawwar  f’korner bi bravura minn Andrea Cassar.