Tkompli tikber ix-xamma ta’ manuvri biex tkompli tiġi aġevolata kumpanija partikolari fit-tenders għas-servizzi tat-tindif fir-residenza San Vinċenz de Paule.
Wara li fix-xhur li għaddew, l-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea li jinvestiga rapporti ta’ frodi, magħruf aħjar bħala l-OLAF, irċieva sensiela ta’ talbiet biex jinvestiga dak li għaddej fir-residenza San Vinċenz de Paul, issa kumpanija li tefgħet it-tender biex jipprovdu dan is-servizz talbet lill-Bord tar-Reviżjoni tal-Kuntratti biex b’mod immedjat twaqqaf il-proċess tat-tender.
Il-kumpanija Servizi Ltd qed tagħmel dan wara li d-Dipartiment tal-Kuntratti, allegatament bi ksur ta’ liġi, neħħiet minn dan it-tender, il-klawżola li teskludi lil kumpaniji li għandhom arretrati ta’ taxxa milli jkunu eliġibbli biex jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom għal dan it-tender.
Minn kif jidhru l-affarijiet, din kienet manuvra biex tkompli taġevola kumpanija interessata f’dan it-tender u li għandha djun ta’ miljuni f’taxxa, l-istess kumpanija li issa ilha tipprovdi dan is-servizz b’direct order li ingħatalha snin ilu.
F’tenattiv li jiskolpa ruħu, d-Dipartiment tal-Kuntratti qal li din il-klawżola issa m’għadhiex tapplika fl-istadju tal-applikazzjoni imma tapplika biss għall-kumpanija li tiġi aġġudikata t-tender.
Fi Frar, l-OLAF kien talab li jsiru investigazzjonijiet fuq il-kuntratt tat-tindif fir-Residenza San Vinċenz de Paule, kuntratt li kien ingħata b’direct order lill-kumpanija X Clean erba’ snin ilu. Intant, it-Times of Malta ftit tal-ġimgħat ilu żvelat li Denis Xuereb, direttur ta’ X Clean, kellu kont pendenti ta’ madwar €4 miljun f’taxxi mhux imħallsa.
X Clean kienu ingħataw il-kuntratt b’idrect order fl-2015. Kuntratt li baqa’ jiġi mġedded kull xahar minn dakinhar.
Għal dan il-kuntratt s’issa, X Clean irċieva ħlas ta’ ‘l fuq minn €9 miljuni.