ST. ANDREW’S…………..0
VALLETTA…………………4
St. Andrew’s: M. Calleja Cremona, A. Satariano, K. Mcfarlane (D. Reid Kemar 67’), R. Martin, A. Friggieri (A. Magri Overend 87’), J. Farrugia, K. Magro, A. Borg, J. Walker (L. Sciberras 67’), M. Davis, D. Debono
Valletta: H. Bonello, J. Caruana, S. Borg, R. Camilleri (B. Gavrila 71’), S. Malano, K. Nwoko (N. Pulis 79’), E. P. Beltre, J. Zerafa (J. Borg 67’), R. Muscat, M. Alba, M. Fontanella
Skurjaw: Mario Fontanella 46’, Kyrian Nwoko 68’, Matthew Calleja Cremona 78’ (OG), Santiago Malano 83’
Imwissija: 51’ Steve Borg (V), 51’ Ricardo Martin (S), 70’ Miguel Angel Alba (V), Adrian Borg 88’ (S)
Imkeċċija: 81’ Ricardo Martin (S)
Referì: Glen Tonna
Assistenti referis: Luke Portelli, Theodore Zammit
Il-plejer tal-logħba: Enmy Pena Beltre (Valletta)
Attendenza: 983
Erba’ gowls Beltin fit-tieni taqsima tellgħuhom momentarjament fl-ewwel pożizzjoni tal-klassifika, żewġ punti fuq Hibernians, b’logħba aktar mill-istess Pawlisti.
Fl-ewwel konfront tal-istaġun, Valletta kienu sabuha iebsa biex jegħlbu l-isfida ta’ St. Andrew’s b’gowl waħdieni ta’ Enmy Pena Beltre.
Mil-logħba tal-bieraħ iż-żewġ timijiet riedu joħorġu bit-tliet punti, hekk kif Valletta jridu jibqgħu jissieltu għar-rebħ tal-Kampjonat, filwaqt li St. Andrew’s riedu r-rebħa sabiex jitbiegħdu mill-periklu tar-relegazzjoni u l-play-off.
Valletta urew mill-bidu l-intenzjonijiet tagħhom, li joħorġu fuq in-naħa r-rebbieħa. Fid-9 minuta, Mario Fontanella għadda l-ballun bit-takkuna lejn Kyrian Nwoko, li ra x-xutt b’saħħtu ċentrali tiegħu jintlaqa’ minn Matthew Calleja Cremona, u mtajjar mid-difensuri ta’ St. Andrew’s. Valletta dehru għal ftit inaqqsu mir-ritmu tagħhom.
Fil-fatt għaxar minuti wara St. Andrew’s irrispondew għal darba, darbtejn, tlieta. Alexander Satariano ħataf il-ballun f’nofs il-grawnd, avvanza bil-ballun, qassam lil Aidan Friggieri, bix-xutt tiegħu spiċċa għoli. Żewġ minuti wara reġgħu kienu protagonisti St. Andrew’s. Martin Davis ixxuttja fil-baxx, bil-ballun spiċċa ftit barra.
Mas-26 minuta logħob, reġgħu kienu St. Andrew’s perikolużi permezz ta’ Davis. Henry Bonello inqabad barra mill-kaxxa, Davis ipprova jdur miegħu iżda ġie mfixkel, bil-ballun reġa’ ġie f’saqajh, bix-xutt finali ta’ Davis spiċċa f’saqajn Joseph Zerafa u biegħed il-periklu. Valletta pruvaw joħolqu xi tip ta’ reazzjoni, pero’ sabu lid-difiża ta’ St. Andrew’s organizzata. B’hekk iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi dro’ ta’ 0-0.
Valletta ħadu biss 50 sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima sabiex fetħu l-iskor. Xutt minn barra l-kaxxa ta’ Steve Borg, MARIO FONTANELLA xellef il-ballun għal wara Calleja Cremona. Fl-azzjoni li jmiss il-Beltin irduppjaw. Pena Beltre ta kross pinġut lil KYRIAN NWOKO, li bir-ras xeħet fix-xibka ta’ Calleja Cremona. Ħames minuti wara St. Andrew’s irrispondew b’xutt ta’ Aidan Friggieri li ġie mdawwar f’korner minn Bonello.
Valletta għamluhom tlieta fit-78 minuta. Xutt b’saħħtu ta’ Bogdan Gavrila jistampa mal-lasta, li jaħbat ma’ dahar il-gowler MATTHEW CALLEJA CREMONA u jidħol fix-xibka tiegħu stess. Ħames minuti wara reġgħu kienu l-Beltin protagonisti. Fontanella għadda l-ballun lil SANTIAGO MALANO li tefa’ fix-xibka ta’ St. Andrew’s għar-raba’ gowl Belti wara li d-difensuri ta’ St. Andrew’s pruvaw jilqgħu l-ballun.
B’hekk Valletta jistennew il-logħba bejn Hibernians u Qormi sabiex ikunu jafu humiex se jżommu l-ewwel pożizzjoni fil-klassifika wara l-24 rawnd ta’ Kampjonat Premier.
//= $special ?>