Gvern Soċjalista li jaħbi fl-interess tal-ftit u kontra l-interess tal-poplu

“Il-Gvern Soċjalista jaħbi fl-interess tal-ftit u kontra l-interess tal-poplu bħalma għamel bil-ħofra fl-Air Malta, meta ta tliet sptarijiet lil Vitals, meta ta l-art lill-Università Amerikana, fil-bini tal-power station u t-tindif f’San Vinċenz.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fis-Siġġiewi bit-tema Flimkien għal Pajjiżna. 

Adrian Delia qal li l-Ministru Konrad Mizzi qiegħed iqarraq biċ-ċifri tal-Air Malta u ħoloq ħofra ta’ €15-il miljun meta ma tħallasx kont tal-Enemalta biex il-linja nazzjonali tal-ajru tidher li għamlet profitt. Il-Mument irrappurtat kif Konrad Mizzi ħoloq ħofra ta’ €15-il miljun li l-Air Malta kellha tħallas ġimagħtejn wara li tħabbar li għamlet profitt u issa spiċċat fi żbilanċ.

Huwa qal li Konrad Mizzi qed jidħak bin-nies meta qabad ħaddiema u djun tal-Air Malta u teffahhom fuq kumpanija oħra, bħalma l-Gvern Soċjalista jaħbi biex jidher sabiħ meta f’Ottubru qalilna li se jagħmel surplus mingħajr il-flus tal-bejgħ tal-passaporti, u issa spiċċa bi żbilanċ ta’ €70 miljun. 

Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista jinjora l-liġi u għal snin sħaħ ix-xogħol tat-tindif f’San Vinċenz kien jingħata b’direct order mingħajr ma joħroġ tender, bil-kumpanija li ngħatat dan ix-xogħol spiċċat ħadet €9 miljun. Dan meta l-Gvern għandu regoli ċari kif jista’ jixtri l-prodotti u s-servizzi, u dawn ir-regoli qegħdin hemm sabiex jassiguraw li kulħadd ikollu ċ-ċans li jikkompeti u jkun hemm level playing field. Fosti r-regolamenti hemm li kull xogħol jew servizz li jixtri l-Gvern u li jaqbeż €144,000 bilfors irid joħroġ tender iżda f’dan il-każ ta’ San Vinċenz ma sarx hekk, b’detriment għall-kumpaniji kollha l-oħra li jridu jinvestu. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Soċjalista mhux veru gvern pro business imma gvern tal-big business u some business, u lil min irid jikkompeti u jagħmel l-affarijiet sewwa jrid joħonqu. Huwa qal li l-Gvern Soċjalista qed joħloq żvantaġġ għall-investituri kollha li jridu joffru s-servizz u li huma konformi mal-liġijiet. Dan meta l-Gvern Soċjalista neħħa l-klawsola li teskludi lil min għandu arretrati tat-taxxa milli jipparteċipa fit-tender ta’ €12-il miljun għat-tindif f’San Vinċenz, u meta l-midja rrappurtat kif il-kumpanija li kienet ingħatat id-direct order ta’ €9 miljun għandha arretrati mad-Dipartiment tat-Taxxa, u allura mhux suppost li titħalla tidħol għat-tender u titfa’ l-offerta. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan mhux l-ewwel każ fejn il-Gvern Soċjalista ħeba, u hekk għamel fil-każ tal-Vitals meta ta’ tliet sptarijiet tal-poplu lil kumpanija li ġiet iffurmata ftit jiem qabel ingħatat il-kuntratt. Huwa qal li l-Gvern Soċjalista għamel hekk ukoll fil-każ tal-Università Amerikana meta ta art pubblika lil kumpanija li ma kellha ebda esperjenza fl-edukazzjoni. Adrian Delia qal li fil-każ tat-tender tal-proġett tal-power station meta ħalla kumpanija li kienet teknikament falluta tippartecipa. Fuq dawn in-nuqqasijiet kbar kif ingħata t-tender tkellem ukoll l-Awditur Ġenerali. 

Adrian Delia qal li dawn il-każijiet jikkonfermaw dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni u li kien ikkonfermat ukoll fir-rapport tal-Greco, kif l-istituzzjonijiet f’pajjiżna huma ostaġġi u ġew maħtufa mill-Gvern Soċjalista. Dan meta l-Ombudsman ukoll qal li l-investigazzjonijiet li jsiru mill-uffiċċju tiegħu qed jispiċċaw jiġu injorati. Dr Delia qal li f’Mejju li ġej il-poplu għandu quddiemu ‘l opportunità li jibgħat messaġġ ċar lill-Gvern Soċjalista u bil-vot juri li ddejjaq bil-korruzzjoni f’pajjiżna u li jrid li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu u jiffunzjonaw liberament biex iħarrsu l-aħjar interess tan-nies.