Futbol Sport

Ħamrun u Balzan jaqsmu l-punti f’logħba kwieta

(Ritratt: Trevor Sollars)

Luke Micallef

ĦAMRUN SPARTANS…………………..1

BALZAN………….1

Ħamrun Spartans: E. Bartolo, E. Pepe, S. Nayar, W. Domoraud, A. Scicluna, C. Borg (R. Darmanin 80’), M. Criaco, K. Micallef, O. Nikolopoulos, C. Calil, K. Tulimieri

Balzan: S. Mintoff, A. Kosoric (S. Cipriott 82’), N. Sljivic, S. Pisani, S. Bezzina (A. Majdevac 73’), P. Fenech, A. Effiong, U. Ljubomirac, I. Bozovic (J. Grioli 78’), S. Valero, R. Correa Duarte

Skurjaw: 53’ Wilfried Domoraud (Ħ), 59’ Serrano Valero (B)

Imwissija: 26’ Karl Micallef (Ħ), 39’ Nenad Slijviic (B), 39’ Kevin Tulimieri (Ħ), 50’ Conor Borg (Ħ), 52’ Steven Pisani (B), 53’ Wilfried Domoraud (Ħ)

Referì: Alan Mario Sant

Assistenti referis: Edward Spiteri, Mitchell Scerri

Il-plejer tal-logħba: Ricardo Correa Duarte (Balzan)

Fil-logħba tal-ewwel rawnd bejn dawn iż-żewġ timijiet, il-partita kienet intemmew fi dro’ ta’ 2-2. Fil-logħba tal-bieraħ bejn Ħamrun u Balzan, fl-24 ġurnata tal-Kampjonat Premier, iż-żewġ timijiet reġgħu ħadu punt kull wieħed.

L-ewwel taqsima bejn Ħamrun u Balzan kienet kwieta u pjuttost monotona b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd u bla ebda xutt lejn ebda lasta. Fit-18-il minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Steven Bezzina spiċċa barra mil-lasti difiżi minn Emmanuel Bartolo. Man-nofs siegħa logħob, xutt ta’ Alfred Effiong li ntlaqa’ faċilment mill-gowler Ħamruniż. Fis-37 minuta Ħamrun ingħataw korner li nkariga minnu Caetano Calil. Oreste Nikolopoulus daħal bir-ras, ġie f’saqajn il-plejer ta’ Balzan, Steven Pisani, li tajjar il-ballun mill-periklu bla ebda diffikultà.

Fil-51 minuta Balzan ingħataw freekick li nkariga minnu Steven Pisani, li ġie għand Uros Ljubomirac u mill-qrib spara għoli. L-ewwel azzjoni perikoluża tal-konfront waslet fit-53 minuta u sarrfet f’gowl għall-Ħamruniżi. Kevin Tulimieri ta kross, daħal bir-ras WILFRIED DOMORAUD li għeleb lill-gowler ta’ Balzan, Sean Mintoff.

Ftit sekondi qabel is-siegħa logħob, SERRANO VALERO ġab il-gowl tad-dro’ għal Balzan b’daqqa ta’ ras preċiża bil-ballun spiċċa wara Emmanuel Bartolo. Mal-65 minuta logħob, Balzan kienu ferm viċin li jirduppjaw. Minn korner il-ballun spiċċa fil-kaxxa ż-żgħira Ħamruniża, li b’xi mod Nikolopolous irnexxilu jtajjar il-ballun.

Minuta mit-tmiem tal-ħin regolamentari xutt ta’ Domoraud, ħareġ tajjeb Mintoff li tajjar il-ballun, waqa’ f’saqajn Caetano Calil li ra x-xutt tiegħu għoli ferm mil-lasti ta’ Balzan.

B’dan il-punt, Ħamrun Spartans telgħu bi 42 punt, filwaqt li Balzan issa għandhom 40 punt u jinsabu fis-sitt pożizzjoni.