Konrad Mizzi jqarraq biċ-ċifri tal-Air Malta u jipprova juri li għamel suċċess fl-Air Malta bi tħejjija għall-ġlieda biex isir Prim Ministru
Sorsi infurmati fi ħdan il-Gvern Soċjalista kixfu kif il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kellu argument sħun u jaħraq ma’ sieħbu l-Ministru Joe Mizzi li taħt id-dekasteru tiegħu taqa’ l-Enemalta.
Jidher li l-argument inqala’ wara li din il-gazzetta il-mument u gazzetti oħra żvelajna li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta għandha dejn kbir ta’ ħafna miljuni ta’ ewro mal-Enemalta dovuti dwar ħlastijiet għall-provvista tal-enerġija.
Konrad Mizzi kellu jammetti
Wara ġranet ta’ stennija, ibbumbardjat bil-mistoqsijiet, il-Ministru Konrad Mizzi kellu jċedi għall-pressjoni u jammetti li l-Air Malta għandha d-dejn fuq il-provvista tal-enerġija. Dan qajjem iżjed mistoqsijiet dwar kemm jammonta dan id-dejn u meta se jitħallas.
il-mument tista’ tiżvela li d-dejn tal-Air Malta mal-Enemalta hu ta’ ħafna miljuni ta’ Ewro iżda aħna u ninvestigaw din l-istorja sibna realtà iżjed xokkanti. Dan għaliex jidher ċar li biex iħabbar li minn telf ta’ €31 miljun l-Air Malta għamlet profitt ta’ €1.2 miljun, il-Ministru Konrad Mizzi kien konxju li kont ta’ €15-il miljun li kellu jitħallas mill-Air Malta baqa’ ma tħallasx sabiex il-kotba tal-kumpanija jidhru tajbin.
Joe Mizzi mhux lest jieħu l-ħofra ta’ Konrad
Kien proprju dwar dan li Joe Mizzi, il-Ministru tal-Enerġija, qomos u kellu argument ma’ sieħbu Konrad Mizzi, bil-Ministru tat-Turiżmu jfittex refuġju f’ta’ Kastilja.
Jirriżulta li Konrad Mizzi awtorizza l-ħlas tal-kont ta’ €15-il miljun ġimagħtejn wara li ħabbar li l-Air Malta għamlet profit b’konsegwenza li tali profitt sparixxa u l-Air Malta reġgħet sabet ruħha bi żbilanċ ta’ ftit iżjed minn €13-il miljun ġimagħtejn wara li Konrad Mizzi ħareġ jiftaħar bi profitt.
Konrad Mizzi jrid juri li aħjar minn Zammit Lewis
Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li meta ma tħallasx il-kont ta’ €15-il miljun, Konrad Mizzi ta l-impressjoni li l-cash flow tal-kumpanija hu wieħed tajjeb.
Iżda l-verità hi ferm ‘il bogħod minn dan, proprju għaliex ftit ġimgħat wara dawn il-flus kellhom jitħallsu għaliex il-Ministru Joe Mizzi ma kienx lest li biex jidher ħelu Konrad Mizzi jieħu fuqu l-problema b’ħofra ta’ €15-il miljun fl-Enemalta.
Sadattant waqt li Konrad Mizzi qed jipprova jonfoħ is-suċċess tal-Air Malta taħt idejh biex juri li kien kapaċi jmexxiha ferm aħjar minn Edward Zammit Lewis li kien Mnistru qablu, il-linja tal-ajru nazzjonali għaddejja minn problemi ferm akbar minn qatt qabel.
Dan għaliex Konrad Mizzi qed ibigħ l-assi tal-kumpanija fosthom is-slots tal-ajruplani li ilhom għand l-Air Malta mis-snin sebgħin u tmenin meta l-Air Malta kienet titmexxa minn Albert Mizzi.
Tul is-snin kienu ħafna l-linji tal-ajru li offrew miljuni biex jixtru s-slots tal-Air Malta iżda gvernijiet suċċessivi qatt ma ċedew għall-pressjoni ta’ ġganti bħal-Lufthansa, British Airways, Alitalia, KLM u AirFrance. L-aħħar linji tal-ajru li riedu s-solts tal-Air Malta kienu t-Turkish Airlines u r-RyanAir.
Konrad Mizzi mbuttat minn Kastilja biex isir Prim Ministru
Biex jibni l-immaġini tiegħu mill-ġdid wara l-iskandli kbar li sab ruħu fihom Konrad Mizzi kemm bil-Panama Papers kif ukoll bil-kuntratti skandalużi bħal tal-Vitals, l-Università Ġordaniża u issa bl-aħħar wieħed tal-Corinthia, issa tefa’ ħarstu fuq l-Air Malta.
Konrad Mizzi qed jipprova juri li għamel suċċess fl-Air Malta bi tħejjija għall-ġlieda biex isir Prim Ministru… ġlieda fil-miftuħ mar-rivali tiegħu l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne.
//= $special ?>