Matul il-ġurnata tal-lum qed ji tfakkar Ħadd il-Palm, il-festa li tiġi ċċelebrata ġimgha qabel Ħadd il-Għid, u li matulha, il-Knisja tfakkar is-Solennità Liturġika tad-Dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, milqugħ bħala Re.
F’pajjiżna, Ħadd il-Palm jiġi ċċelebrat b’funzjonijiet fil-knejjes madwar Malta u Għawdex u purċissjonijiet biex ifakkru l-episodju bibbliku tad-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm. F’xi parroċċi oħra, f’din il-ġurnata joħorġu wkoll purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
Fil-pjazza tal-Vatikan, iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’purċissjoni. Fil-bidu taċ-ċerimonja, il-Papa bierek il-palm u friegħi taż-żebbuġ biex imbagħad iċċelebra l-quddiesa quddiem baħar ta’ nies.
Fil-messaġġ tiegħu Papa Franġisku saħaq li l-bniedem għandu jkun umli bħal Ġesu Kristu. Huwa sostna li l-poplu għandu jevita t-trijonfaliżmu, li jirkeb fuq il-ħidma u l-karru ta’ ħaddieħor.
Dan filwaqt li L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ikkonċelebra l-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn fakkar li dawn il-jiem huma xhieda tas-sagrificju li ghamel ghalina sidna Gesu Kristu.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ħal Għargħur u dik ta’ Ħal Għaxaq, li bħala tradizzjoni jsiru tul il- ġurnata tal-lum.Lejliet, il-Ġimgħa filgħaxija Adrian Delia żar ukoll il-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Fgura fejn kellu l-opportunità li jitkellem mad-dilettanti li matul is-sena jkunu għamlu ħidma bla heda biex joffru dawn il-wirjiet lill-pubbliku.
//= $special ?>