Lokali

Keith Schembri għandu jieħu flejjes kbar mit-Times

Michel Rizzo, li hu d-Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, il-kumpanija li fiha tinkorpora l-gazzetti u website The Times of Malta u The Sunday Times, għażel li ma jweġibx għal mistoqsijiet li bgħatnilu dwar il-relazzjoni tiegħu ma’ Adrian Hillman li kien imexxi t-Times qablu, kif ukoll ma’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat li nqabad b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Għal għadd ta’ mistoqsijiet li bgħatnilu, Michel Rizzo wieġeb biss: “As a private company, it is contrary to our policy to discuss matters of a commercial or internal nature.”

Tajjeb li nistabbilixxu li Keith Schembri hu wkoll is-sid tal-kumpanija Kasco li għandha tieħu flejjes kbar minn Allied Newspapers għall-volumi kbar ta’ karta li tixtri biex tistampa l-ġurnal The Times of Malta kif ukoll gazzetti oħra Maltin li jużaw is-servizzi tagħha.

Nifhmu li Keith Schembri sar qrib ħafna ta’ The Times meta kellu jieħu mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn The Times. 

Attakki ħarxa kontra l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi

Fiż-żmien li Adrian Hillman kien imexxi l-Allied Newspapers, il-ġurnali The Times of Malta kif ukoll The Sunday Times of Malta kienu jattakkaw lill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi bla skruplu. 

Fost l-attakki ħarxa li mexxiet The Times qabel l-elezzjoni tal-2013 kien hemm sensiela ta’ artikli dwar l-Arriva u kontra l-Ministru ta’ dak iż-żmien Austin Gatt. 

Barra minn hekk, bl-iżjed mod sistematiku, The Times kienet mexxiet l-idea li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kien maqsum b’ħafna ġlied intern.  Proprju kif qed naraw bħalissa mill-istess ġurnali the Times of Malta u The Sunday Times.

X’relazzjoni għad hemm ma Hillman u Schembri?

Fil-korrispondenza li lbieraħ filgħodu bgħatna lil Michel Rizzo, staqsejna lill-istess Michel Rizzo, illum Direttur Maniġerjali minflok Adrian Hillman, x’relazzjoni kellu ma’ Adrian Hillman meta kien Direttur Maniġerjali u kien inqabad li għandu kumpaniji sigrieti barra minn Malta b’relazzjoni diretta ma’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. 

Dan staqsejnieh peress li Keith Schembri nqabad ukoll b’kumpaniji sigrieti fil-Panama li fihom kien se jirċievi miljuni ta’ ewro mingħand il-kumpanija 17Black li issa sar magħruf li hi ta’ Yorgen Fenech, wieħed mis-sidien tal-power station Electrogas li ħadet il-kuntratt mingħand il-Gvern waqt li Keith Schembri diġà kien iċ-Chief of Staff f’Kastilja.

Staqsejna wkoll lil Michel Rizzo, kemm-il darba ddiskuta ma’ Adrian Hillman in-negozju li kellu ma’ Keith Schembri u meta kienet l-aħħar darba li għamel kuntatt ma’ Adrian Hillman kemm ilu li telaq mit-Times. Tlabnieh ukoll jgħid dwar xiex ikkorrisponda ma’ Adrian Hillman.

Fil-mistoqsijiet mhux imwieġba, staqsejna wkoll jekk il-membri tal-Bord ta’ Allied Newspapers u ta’ Progress Press kenux infurmati kull meta hu (Michel Rizzo)  kellu skambju ma’ Adrian Hillman.

Kemm għandu jieħu Keith Schembri mit-Times?

F’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba li tant tippriedka dwarhom The Times mill-editorjali tagħha, staqsejna wkoll kemm hu d-dejn li għandhom it-Times, Allied Newspapers u Progress Press ma’ Keith Schembri u/jew il-kumpaniji li tagħhom hu benefiċjarju.

Staqsejna lil Michel Rizzo għaliex il-kumpannija li hu jmexxi għandha dejn dirett ma’ Keith Schembri u/jew il-kumpaniji li tagħhom huwa benefiċjarju.

Kellhom ibigħu l-bini ikoniku għall-ġlieda għad-demokrazija

Tlabnieh jikkonferma jew jiċħad jekk hux minnu li l-qagħda finanzjarja tat-Times hix waħda tant prekarja li kellha tinbiegħ Strickland House fil-Belt Valletta, binja ikonika u simbolika mal-ġlieda għad-demokrazija.

Tlabna lil Michel Rizzo jgħid kemm mill-flus li se jinġabru mill-bejgħ tal-propjetà msemmija se jmorru għad-dejn li għandhom ma’ Keith Schembri u/jew il-kumpaniji tiegħu.

The Times stampata fuq karta tal-Kasco

Fost il-mistoqsijiet li għażel li ma jweġibx Michel Rizzo, tlabnieh jispjega għaliex The Times of Malta għadha tkun stampata fuq karta mixtrija mingħand il-kumpaniji ta’ Keith Schembri li nqabad implikat fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Ma jridux jippubblikaw l-inkjesta dwar Adrian Hillman

Sadattant, għadu mhux pubbliku l-eżitu ta’ inkjesta interna li tmexxiet mill-Imħallef Govanni Bonello u jekk kienx stabbilit li The Times of Malta kenitx implikata ma’ Adrian Hillman.  Adrian Hillman dejjem ċaħad tali allegazzjonijiet iżda r-rapport intern qatt ma kien pubblikat.

Staqsejna lil Michel Rizzo jekk dan ir-rapport li The Times ma tridx li tagħmel pubbliku, ingħatax lill-Pulizija u/jew lil xi Magistrat inkwerenti li qed imexxi xi waħda mill-inkjesti marbuta mal-Panama Papers, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgan Fenech u Adrian Hillman, iżda bqajna mingħajr tweġiba.

Biex żgur ma jkunx hemm dubju, wara li il-mument bagħtet dawn il-mistoqsijiet ċempilna wkoll lil The Times biex ninformawhom li ntbgħatet din il-korrispondenza elettronika iżda sakemm morna għall-istampar, l-uniku tweġiba li rċevejna mingħand Michel Rizzo kienet biss dik riprodotta aktar ‘il fuq.

Sadattant aktar tard matul il-ġurnata tal-bieraħ bgħatna wkoll numru ta’ mistoqsijiet lil Ivan Martin, ġurnalist ta’ The Times li spiss jikteb u jattakka lill-Partit Nazzjonalista.

Aħna staqsejnih kemm-il darba ltaqa’, tkellem jew ikkorrisponda ma’ Keith Schembri li nstab li għandu kumpaniji fil-Panama u li kien se jirċievi fondi mill-kumpanija 17Black?

Staqsejnih ukoll kemm-il darba mar għall-ikel jew għal xi raġuni oħra f’xi stabbiliment propjetà ta’ Yorgen Fenech li nstab li hu s-sid ta’ 17Black?

Staqejna wkoll kemm-il darba ltaqa’ ma’ Kurt Farrugia li jaħdem f’Kastilja ma’ Keith Schembri, u kemm-il storja għaddielu dwar l-Oppożizzjoni Nazzjonalista?

Finalment staqsejnih ukoll jekk qattx ibbenefika minn xi dħul taħt kull forma jew rigal mingħand il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat?