Lokali

Mixja favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf, mixja kontra l-abort

Numru mdaqqas ta’ persuni attendew mixja favur il-ħajja, u kontra l-abort li bdiet mill-Ġnien tal-Biskuttin fil-Floriana.

Dan wara li kienu ħafna li fl-aħħar jiem permezz ta’ gruppi fuq Facebook urew l-appoġġ tagħhom għat-tarbija fil-ġuf, u favur il-ħajja, mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Saħansitra anke stħarriġ li sar fost iż-żgħażagħ li jmorru l-Università sab li fil-maġġoranza tagħhom huma kontra l-abort.

F’diskorsi li saru matul l-attività, diversi kelliema għamluha ċara li m’huma se jaċċettaw qatt li t-tarbija fil-ġuf, sa mill-bidu taċ-ċiklu tal-ħajja, titpoġġa f’riskju.

Fl-aħħar jiem kienu ħafna wkoll dawk li fuq il-midja soċjali wrew reazzjonijiet negattivi lejn il-Gvern Soċjalista għall-mod kif it-tarbija fil-ġuħ tneħħiet mid-defenizzjoni ta’ familja, u kif ukoll għal-logħob fil-lingwaġġ li wieħed isib fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

Xi ħaġa li kienet ikkritikata mill-Partit Nazzjonalista li  jibqa’ impenjat li jmexxi ‘il quddiem politika li mhux biss tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf iżda li tagħmel minn pajjiżna mudell tal-Unjoni Ewropea fejn it-tarbija fil-ġuf tingħata r-rispett u d-dinjità li jixirqilha.