Lokali

Muscat jhedded lill-Maltin li mingħajr il-barranin nispiċċaw bla xogħol – Joseph Muscat

Mingħajr il-barrani l-Malti jista’ jitlef xogħolu. Dan huwa dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat f’attività politika fiċ-Ċentru Laburista fil-Mellieħa.

Għaldaqstant Muscat insista li għalhekk hemm bżonn ta’ soċjetà kożmopolitana u miftuħa għall-barrani.

Din it-tieni theddida ta’ Joseph Muscat fi ftit ġimgħat wara li diġà wissa li mingħajr il-barranin nispiċċaw mingħajr pensjonijiet.

Fl-istess waqt li sostna li ma jlumx lil dawk il-bosta persuni li jgħidu li qed jibżgħu mill-barranin, saħaq li jekk dawn qatt m’għexu ma’ soċjetà mħalta bilfors ser ikollhom din il-biża’.

Hawn iddikjara li l-Malti jrid jidra jgħix f’soċjetà mħallta li ta’ kuljum qed tinbidel u żżid fil-popolazzjoni.

U waqt li fl-aħħar sigħat 64 immigrant abbord il-bastiment Alan Kurdi ddaħlu f’Malta, Muscat fakkar lill-poplu li issa riesaq is-Sajf u mistennija jiġu aktar immigranti.

Waqt li ammetta li l-Gvern Soċjalista mifni bid-diffetti, u jekk jibda jista’ jibqa’ sejjer s’għada filgħodu. Fl-istess waqt ma tkellem xejn dwar li l-pagi tal-Maltin li kellhom l-inqas żieda fost il-pajjiżi Ewropej u li l-prezz tal-proprjetà f’Malta kellu l-akbar żieda fid-dinja tant li l-Maltin la għadhom jifilħu jixtru u lanqas jikru proprjetà.

Il-konsulenti tal-proprjeta Globali, Knight Frank, spjegaw li fi tnax-il xahar Malta kellha l-akbar żieda fil-prezz tal-proprjetà minn madwar id-dinja, b’żieda ta’ 17%. Dan filwaqt li l-aħħar ċifri maħruġa mill-Eurostat urew li ż-żieda fil-paga kienet waħda miżera ta’ inqas minn 1% – l-inqas waħda fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant meta l-Prim Ministru fakkar li l-impjiegi qed jiżdiedu hija turijja ċara li l-Malti qed joħroġ aktar jaħdem bi ħġaru minħabba li mhux ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja u l-kirjiet li qed jiżdiedu b’rata allarmanti.

U filwaqt li minkejja l-ftaħir, il-poplu Malti u Għawdxi għadu jeħel fit-traffiku, Muscat appella biex dak li jkun jissaporti. Lil min jilmenta, Muscat qallu li hu m’għandux bakketta maġika.