Lokali Qorti

Iz-zija tal-akkużat ma emmnitx lil oħtu meta qaltilha li pprova jmissha, anzi taħseb li ġara bil-maqlub

Kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju


Waħda miz-zijiet tal-akkuzat, li tiġi oħt missier Joseph Bonnici mixli bil-qtil ta’ ommu u oħtu qalet fil-Qorti li meta Angele Bonnici, oħt Joseph qaltilha li ħuha pprova jabbuża minnha, ma emmnitiex, anzi skont l-opinjoni tagħha, aktar setgħu ġraw bil-maqlub l-affarijiet.

Din kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Joseph Bonnici minn Ħal-Għaxaq mixli bil-qtil ta’ ommu Maria Lourdes Bonnici u oħtu Angele Bonnici fis-27 ta’ Marzu li għadda. Bonnici kien stqarr mal-Pulizija fit-30 ta’ Marzu li kien hu li qatel u difen lil ommu u missieru wara li sparalhom b’arma tan-nar li kien ħadem hu stess, u li kien tahom xi daqqiet b’mazza.

Meta bdiet tixhed quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud zitu qalet li ma kellhiex relazzjoni tajba ma’ omm l-akkużat, li tiġi l-mara ta’ ħuha li jinsab il-ħabs. Qalet li kien minħabba fiha li ntemmet ir-relazzjoni li kellha ma’ dak li kien l-għarus tagħha u sa anke waslet biex ġellditha ma’ ommha u kellha titlaq mid-dar.

Hija qalet li ma tantx kienet ħafna “close” mal-familja tal-akkużat, tant li minħabba dak li kienet għamlitilha, ma baqgħux jitkellmu. Qalet li fl-2014 kienet ċemplitilha Angele, oħt l-akkużat u kienu ltaqgħu. Dak inhar kienet qaltilha kemm hi u ħuha jaqblu u li jmorru tajjeb flimkien.

Kienet kellmitha wkoll dwar il-ħajja sesswali tagħha, speċi ta’ li riedet tiftaħ qalbha magħha fuq dan is-suġġett. Qalet li kienu reġgħu ltaqgħu fl-2017 u din id-darba kienet qaltilha li kienet talbet lil ħuha Joseph biex jagħmlilha pjaċir, u li imma hu ma riedx jaqdiha.

Qalet ukoll li Angele qaltilha li ma messux għamlilha hekk għax hi dejjem qdietu fuq dak kollu li kien jitlobha u qaltilha wkoll li l-akkużat ġieli kien jabbuża minnha sesswalment. Ix-xhud qalet li kienu reġgħu ltaqgħu fl-2018 ma semmitilha xejn fuq ħuha, jew dwar xi abbuż.

Hawn qalet li hija taf lin-neputi tagħha bħala raġel sew u ma emmnitx lil Angele għas-sempliċi raġuni fuq dak li kienet qaltilha hi meta kellmitha fuq il-ħajja sesswali, b’Bonnici tgħid li ma xtaqitx tgħid dak kollu li qaltilha, għax dawn kienu affarijiet personali.

Hawn ix-xhud bdiet tħossha wkoll skomda tkompli telabora, iżda sostniet li hija aktar temmen li Angele setgħet għamlet dak li qalet hi fuqu, u kien hawn li hija reġgħet waqfet.

Il-Maġistrat Mifsud dak il-ħin żgombra l-awla biex dak li għandha tgħid Bonnici, tgħidu. Kif reġa’ nfetaħ il-bieb tal-awla x-xhud qalet ukoll li l-aħħar darba li kellmet lil omm l-akkużat, Maria Lourdes Bonnici, din qaltilha li ma tafx x’kienet se tagħmel meta joħroġ żewġha mill-ħabs, għax drat waħedha.

Ix-xhud tkellmet ukoll dwar il-qalb tajba li kellu l-akkużat għax meta hi kienet fi problemi hi tliet snin ilu ried jgħinha u li għalkemm ma kienitx tiltaqa’ daqstant miegħu kienet tkellmu fuq facebook.

Xehdu żewġ żijiet oħra tal-akkużat u wkoll it-tnejn jiġu ħut missieru. Waħda minnhom qalet li lejn l-aħħar ta’ Marzu, l-akkużat qalilha, “jien lil ommi nħobbha, imma” u waqaf hemm.

Qalet ukoll li hu kien mar għaliha u qalilha li ma jafx fejn jinsabu ommu u oħtu għax kien ilu ma jarahom, u qalilha biex tmur miegħu biex jidħol fil-parti ta’ fejn jgħixu ommu u oħtu, għax dawn kellhom bieb għalihom.

Huwa ried lil zitu tidħol miegħu biex jara fejn qegħdin. Hi marret u hu qala’ kantun biex daħal, għax il-bieb kien imsakkar bil-fir-roll. Lil zitu kien qalilha biex tidħol miegħu għax beża’ li ommu u oħtu kienu jaħsbu li kien daħal hemm biex jisraqhom.

Zitu qalet li beda jgħajjat ma u ħadd ma rrisponda, u hi qaltlu li forsi kienu ħarġu jew siefru. Kien hawn meta qalilha li jħobb lil ommu, u spiċċa jgħid imma, mingħajr ma sepċifika.

Zitu l-oħra wkoll faħħret lil Joseph Bonnici bħala raġel li jaf jagħmel kollox. Hija qalet li iżda ma tafx liema tip ta’ relazzjoni kellu ma’ ommu u oħtu, għax ma kienitx “close” magħhom. Qalet ukoll li l-Pulizija kienu marru għandha biex ifittxu f’xi propjeta’ li kienet tagħhom u li kienu ilhom li biegħu.

Xehed ukoll is-Surġent Anthony Portelli li qal li huwa kien infurmat li Joseph Bonnici kien ammetta li qatel lil ommu u oħtu. Qal li kien qalilhom fejn difinhom u li kien qalilhom ukoll li kien ixxortja id-dawl biex itajjar is-salvavita. Ix-xhud qal ukoll li kienu ġew infurmati mill-akkużat ukoll li l-kadavri kienu nġarru minnu bil-karozza tiegħu tal-għamla Daewoo.

Ħareġ ukoll li huma kienu indifnu f’għalqa li tinsab limiti ta’ Tarxien, u li l-għalqa hija propjeta’ ta’ Lunzjata Band Club, li għandhom il-permessi miżmuma sa issa biex itellgħu n-nar minn dan il-post. L-għalqa tinsab għand persuna li fil-preżent qed jaħdimha.

Xehdu diversi Pulizija oħra li kienu nvoluti f’dan il-każ, fosthom dawk li kienu qed ifittxu għal mazza li l-akkużat rema fil-Wasteserve ta’ Ħal-Far, liema mazza kienet ukoll maħruqa. Il-mazza kienet instabet fejn kien indikalhom l-akkużat. Ingħad ukoll li l-karozza tal-akkużat tinsab fil-garaxx tal-Pulizija biex tgħin fl-istħarriġ tal-każ. 

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur John Spiteri. Il-każ se jkompli, t-Tlieta, 16 ta’ April, l-Erbgħa filwaqt li fit-3 ta’ Ġunju li ġej se jsir l-aċċeess fuq il-post.