Lokali

Għaddej il-proċess tal-istampar tad-dokumenti tal-voti

Miexi b’pass mgħaġġel il-proċess tal-istampar tad-Dokumenti tal-Voti għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej – kemm dik tal-Kunsilli Lokali kif ukoll tal-Parlament Ewropew.

Il-proċess beda l-Ġimgħa wara nofsinhar, bl-Uffiċjali fl-Istamperija tal-Gvern għandhom jipprintjaw xejn inqas minn 800,000 Dokument tal-Vot.

Fost il-bidliet li wieħed isib fuq dawn il-Voti, hemm il-fatt li r-ritratti tal-votanti, fuq id-Dokument tal-Vot, se jkun stampat bil-kulur, fuq karta sintetika li tinkludi wkoll diversi fatturi ta’ sigurtà.

Matul dan il-proċess kollu, rappreżentanti mill-partiti politiċi qed ikunu preżenti biex jaraw li kollox jimxi skont il-proċedura stabbilita.

Fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni Elettorali avżat lil dawk li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, li jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, fin-Naxxar jew fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex, minn nhar it-Tnejn.

Dan waqt li l-Kummissjoni Elettorali se tibda tirċievi n-nomini ta’ kandidati online għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali mit-Tlieta, 16 ta’ April fid-9am sat-Tnejn, 22 ta’ April fis-7pm.