Futbol Sport

Gżira United jaċċertaw posthom fl-Europa League għal staġun ieħor

(Ritratt: Gżira United)

GŻIRA UNITED………….. 1 FLORIANA………….. 0

Gżira: J. Haber, R. Briffa, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg, G. Conti, E. Bilbao Zarate, A. Cohen (C. Gatt Baldacchino 77’), J. Corbalan (Z. Scerri 61’), J. Mengolo (N. Muscat 45’), H. Garba

Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani, A. Oyama, E. Marcelina, B. Paiber, U. Arias (E. Cesani 46’), D. Agius (T. Vella 56’), K. Keqi, T. Galvao da Silva (C. Borg 77’)

Imwissija: J. Mengolo 12’ (G), E. Ruiz 37’, J. Pisani 82’, B. Paiber 88’ (F)

Skorja: A. Oyama og 23’ (G)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Roberto Vella, Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Roderick Briffa (Gżira United)

Attendenza: 293

Gżira United ħadu dak li riedu hekk kif bid-draw ta’ Sliema Wanderers aktar qabel u bir-rebħa tagħhom, kisbu kwalifikazzjoni awtomatika biex jidħlu fl-Europa League għat-tieni staġun konsekuttiv. Il-Gżirjani kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda sofrew il-pressjoni tal-avversarji fit-tieni taqsima għalkemm Floriana ftit inkwetaw lil Justin Haber.

Mertu ta’ dan imur għad-diriġenza ta’ Gżira li żammew skwadra kompetittiva mmexxija minn Darren Abdilla u aktar riċentament minn Jesmond Zerafa li żamm ir-ritmu tat-tim għaddej. Din kienet il-mira prinċipali tat-tim.

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel azzjoni denja wara kwarta bi kross tajjeb mix-xellug ta’ Arthur Oyama lejn Kristian Keqi li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet fuq il-mimduda. Sitt minuti wara ċans tajjeb għal Gżira bi kross mil-lemin ta’ Roderick Briffa, b’Haruna Garba jara d-daqqa ta’ ras tgħaddi ftit barra għalkemm kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Gżira fetħu l-iskor fit-23 minuta f’sitwazzjoni mhux mistennija. Minn kross mix-xellug ta’ Sacha Borg, Arthur Oyama prova jikkontrolla l-ballun fil-kaxxa iżda kkontrollah ħażin u spiċċa baqa’ dieħel fix-xibka. L-istess Oyama mar qrib li jpatti għall-iżball erba’ minuti wara b’xutt minn barra l-kaxxa li kien imxellef u spiċċa ftit barra.

Il-Maroons kellhom opportunità tajba fil-31 minuta meta reġa’ kien Briffa li tefa’ kross perikoluż fil-kaxxa, b’Justin Mengolo jidħol tajjeb iżda l-konklużjoni għaddiet ftit għoli. Żewġ minuti wara xutt ta’ Brandon Paiber minn barra l-kaxxa għadda għoli.

Gżira reġgħu marru viċin li jirduppjaw fil-35 minuta b’xutt ta’ Garba li kien b’xi mod salvat minn Akpan, bl-istess gowlkiper isalva b’mod konvinċenti xutt ta’ Mengolo ħames minuti wara.

L-andament fit-tieni taqsima nbidel b’Floriana jieħdu l-kontroll tal-logħba f’idejhom, b’Gżira ma joħolqux azzjoni waħda fit-tieni taqsima. Kien fil-81 minuta li Clyde Borg ħoloq periklu b’xutt insidjuż li għadda ftit għoli. Fit-92 minuta Haber kien attent biex dawwar f’korner xutt fuq it-tieni lasta ta’ Arthur Oyama. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba Marcelina prova bi free-kick li spiċċa ftit għoli.

Mat-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Gżira li raw lit-tim tagħhom jikkonferma postu mal-ewwel tlieta għat-tieni sena konsekuttiva.