Futbol Sport

Hibernians jitilfu l-ewwel post u Qormi jibqgħu jittamaw li jsalvaw

(Ritratt: James Galea)

HIBERNIANS…………….. 1 QORMI…………………. 3

Hibernians: M. Jovicic, J. Mbong. Radojevic (R. Tardini 68’), A. Agius, M. Silveira, D. Vella (T. Tabone Desira 92’), B. Kristensen (D. Abela 92’), J. Grech, I. Ntow, M. Sahanek, Taylon

Qormi: D. Cassar, R. Romào, A. Abela (A. Cassar 74’), L. Santana, D. Mansi, J. Lokando, Y. Yankam, T. Gusman, A. Rozzi, W. Petinha (I. Zammit 76’), M. Bangoura (L. Busuttil 91’)

Imwissija: T. Gusman 22’, D. Mansi 24’, W. Petinha 50’, A. Abela 53’, D. Cassar 78’, R. Romào 85’ (Q)

Tkeċċa: T. Gusman 81’ (Q)

Skorjaw: Y. Yankam 15’, A. Rozzi 45’, M. Bangoura 90’ (Q), A. Agius 18’ (H)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Yannick Yankam (Qormi)

Attendenza: 907

Rapport: George Cassar

Hibernians tilfu l-ewwel post meta issa jonqos biss żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat wara li sofrew telfa sorpriża kontra t-tim li kien qed jokkupa l-aħħar post Qormi. B’hekk it-tamiet ta’ Qormi li jsalvaw posthom fil-Premier reġgħu nfetħu hekk kif issa qegħdin biss żewġ punti taħt it-tim tat-tnax-il post St. Andrews.

Il-prestazzjoni ta’ Hibernians kienet ferm ’l bogħod mil-livelli tas-soltu u biex tkompli tiġi diffiċli għalihom, il-gowlkiper Qormi l-eks David Cassar kien fil-forma u waqqfilhom diversi tentattivi.

Kienu Qormi li marru l-ewwel fil-vantaġġ wara kwarta logħob meta minn korner ta’ Antonio Rozzi, YANNICK YANKAM tefa’ fir-rokna tax-xibka b’daqqa ta’ ras biex b’hekk skorja t-tielet gowl tiegħu fl-aħħar erba’ logħbiet.

Ir-reazzjoni ta’ Hibernians kienet immedjata għax tliet minuti wara skorjaw il-gowl tal-parità. Minn korner ta’ Marco Sahanek, ANDREI AGIUS kellu l-ewwel daqqa ta’ ras tiegħu mblukkata minn Yannick Yankam, imbagħad it-tieni tentattiv tiegħu bis-sieq kien salvat mill-gowlkiper David Cassar iżda wara l-linja tal-gowl.

F’nofs l-ewwel taqsima Andrei Agius għal ftit ma skorjax doppjetta rari għalih meta minn free-kick mid-distanza laqat il-mimduda. Hibernians reġgħu laqtu l-lasta hekk kif tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima laqtu l-wieqfa minn xutt mibrum ta’ Marco Sahanek wara azzjoni mibnija minn Isaac Ntow.

Iżda fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima kienu Qormi li, kontra x-xejra tal-logħob, sabu x-xibka meta pass mix-xellug ta’ Yannick Yankam, sab lil ANTONIO ROZZI f’pożizzjoni tajba f’nofs il-kaxxa u l-attakkant Taljan b’xutt fil-baxx għeleb lil Marko Jovicic.

Fl-għaxar minuta tat-tieni taqsima l-gowlkiper Qormi David Cassar dawwar f’korner bi bravura l-free-kick ta’ Marco Sahanek

Għaxar minuti mit-tmiem Tensior Gusman intwera t-tieni karta safra għal fawl f’nofs il-grawnd biex ħalla lil Qormi jilagħbu l-aħħar minuti bi plejer inqas.

Madankollu Qormi rnexxielhom jiskurjaw anki t-tielet gowl meta approfittaw minn żbilanċ fit-tim Pawlist u MALELA BANGOURA kkonkluda fix-xibka wara ħarba veloċi.